Bħalissa ħierġa statistika f’Malta li mhux suppost ħierġa kif inhi. Għax waqt li pajjiżna bejn l-2008 u l-2013 għeleb maltemp kbir li kien ġej minn barra, issa messha ħierġa statistika tajba ħafna ladarba l-maltemp barra għadda.
Waqgħa qawwija fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni…
Imma l-aħħar ċifri li ħerġin iqanqlu inkwiet. Ilbieraħ stess kellna ċifri tal-Eurostat li juru li fl-ewwel ħames xhur ta’ dis-sena, imqabblin mal-istess ħames xhur ta’ sena qabel, kellna waqgħa ta’ 27% fl-esportazzjoni u waqgħa ta’ 17% fl-importazzjoni.
… u wkoll fil-produzzjoni fil-fabbriki
Il-waqgħa fl-esportazzjoni tikkonferma ċifri oħrajn tal-Eurostat dwar il-produzzjoni industrijali f’Malta li juru li għal diversi xhur din naqset b’medja ta’ 10%.
Tnaqqis fl-importazzjoni ta’ prodotti ta’ kull tip
Ċifri oħrajn mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jispjegaw il-waqgħa fl-importazzjoni bħala waħda li tolqot l-importazzjoni kollha, kemm l-importazzjoni ta’ materjal biex ikun maħdum ħalli wara jkun esportat, u kemm prodotti għall-konsum.
Bejgħ anqas fil-ħwienet f’Malta, bil-kontra tal-Ewropa
Il-konsum nieżel hu kkonfermat ukoll miċ-ċifri tal-Eurostat li juru l-bejgħ fil-ħwienet f’Malta nieżel waqt li l-bejgħ fl-Ewropa tiela’; xejriet opposti. Il-Prim Ministru waħħal fl-internet imma lkoll nafu li fil-bqija tal-Ewropa hemm l-internet ukoll.
Il-Gvern iżid il-ħaddiema miegħu b’2,000 f’sena
Kellna ċifri oħrajn li juru li l-Gvern f’sena waħda żied miegħu 2,000 ħaddiem. Il-Gvern Laburista f’rapport lill-Unjoni Ewropea dwar kif se jnaqqas l-iżbilanċ qal li minn mal-Gvern jirtiraw 1,500 fis-sena u m’hemmx għalfejn jirrimpjazzahom kollha.
Effettivament daħħal 3,600 mal-gvern f’sena
Imma f’sena waħda, mhux talli rrimpjazza l-1,500 li rtiraw, talli żied 2,000 fuqhom, jiġifieri daħħal mal-gvern 3,500 ruħ f’sena waħda. Ħaġa li ddawwar lura x-xejra ta’ 26 sena li fihom l-impjiegi mal-gvern kienu naqsu minn nofs fl-1987 għal kwart fl-2013.
Ħabi tal-qgħad bl-impjiegi mal-gvern
Dal-Gvern wiret ekonomija sejra tajjeb u suppost m’għandux għalfejn idaħħal nies miegħu. Imma, minkejja s-saħħa tal-ekonomija li wiret u l-bnazzi ekonomiku barra minn Malta, il-Gvern Laburista spiċċa jaħbi l-qgħad bl-impjiegi mal-gvern.
Żieda fid-dejn pubbliku ta’ 440 miljun ewro f’sena
Il-ħabi tal-qgħad xorta jiswa l-flus u fil-fatt rajna d-dejn pubbliku f’sena tal-Gvern Laburista jiżdied b’440 miljun ewro, rata d-doppju ta’ kemm suppost.
Ċifri inkwetanti meta l-Gvern wiret ekonomija b’saħħitha
Dawn iċ-ċifri kollha jqanqlu inkwiet. U t-tħassib jiżdied saħansitra aktar għax huma ċifri li mhux suppost qed joħorġu kif inhuma meta nafu li dal-Gvern wiret ekonomija sejra tajjeb, u issa l-ekonomiji ta’ barra rkupraw. Dan hu kuntrast li jqanqal inkwiet.