Sport

Federer jirbaħ il-Masters ta’ Cincinnati

It-tennista Żvizzeru Roger Federer, tard il-Ħadd filgħaxija, għeleb lill-Ispanjol David Ferrer biex rebaħ il-Masters ta’ Cincinnati. Din kienet is-sitt darba li Federer rebaħ dan it-titlu u fil-finali tal-Ħadd ħareġ rebbieħ bi skor ta’ 6-3 1-6 6-2. Id-dominju ta’ Federer kontra Ferrer kompla jikber hekk kif dan irreġistra s-16-il rebħa minn daqstant partiti kontra l-istess Ferrer.

Din kienet l-ewwel darba sa mill-2012 li Federer rebaħ tuarnament tal-Masters, meta dakinhar kien ukoll rebaħ dak ta’ Cincinnati. L-istess Federer żvela li lanqas biss kien se jikkompeti f’dan it-turnament din is-sena. Ġimgħa qabel kien tilef il-finali f’turnament f’Toronto kontra Jo-Wilfried Tsonga.

Ġimgħa oħra Federer se jkun qed jikkompeti fil-US Open u se jkun qed jimmira li jirbaħ it-18-il Grand Slam tal-karriera tiegħu u l-81 titlu fil-karriera tiegħu.