Il-kantanta Maltija u rebbieħa tal-Junior Eurovision Song Contest 2013 Gaia Cauchi laqgħet l-isfida u għamlet l-Ice Bucket Challenge. Hi tellgħet il-video tagħha fuq Facebook (ara taħt) u sfidat ukoll lil tlieta minn sħabha. Il-filmat fuq Facebook intlaqa’ tajjeb ħafna u nfirex malajr biex b’hekk, din l-isfida issa mistennija tinfirex anke f’Malta.
Iżda x’inhi l-Ice Bucket Challenge? Fl-aħħar jiem bdew jinfirxu numru kbir ta’ filmati fuq il-media internazzjonali ta’ dik li hi magħrufa bħala l-“ALS Ice Bucket Challenge”. Din hi sfida li fiha persuna tferra’ fuqha barmil ilma ffriżat biex jitqajjem għarfien dwar l-ALS Association tal-Istati Uniti. Jekk jgħaddu 24 siegħa u l-persuni li jkunu ġew sfidati ma jilqghux l-isfida, ikollhom jgħaddu donazzjoni lill-Assoċjazzjoni.
L-ALS Association, li għaliha qed jitqajjem dan l-għarfien, taħdem fuq ir-riċerka tal-kundizzjoni Amyotrophic Lateral Sclerosis (ALS), li tikkawża problemi fil-muskoli tal-persuna u twassal biex jiżviluppaw problemi biex wieħed jitkellem, jieħu n-nifs jew jibla’.
B’hekk, Gaia ngħaqdet mal-lista twila ta’ persuni rinomati internazzjonalment li wettqu din l-isfida, fosthom il-biljunarju Bill Gates, il-fundatur ta’ Facebook Mark Zuckerberg, plejers tal-futbol magħrufin bħal Neymar, Gary Neville, Mario Balotelli, Cristiano Ronaldo, Steven Gerrard, Mario Gotze, Paul Scholes u Marcelo, it-tim sħiħ tar-rugby New York Jets, plejers tal-basketball bħal Kevin Durant, Lebron James u t-tim Olimpiku kollu tal-basketball tal-Istati Uniti, l-atturi Dwayne Johnson u Selena Gomez, id-direttur ċinematografiku Steven Spielberg, ir-wrestlers Triple H u CM Punk u l-preżentatriċi Oprah Winfrey.
Ma’ dawn kien hemm ukoll numru kbir ta’ kantanti, fosthom Chris Brown, Jon Bon Jovi, Justin Timberlake, Lil Wayne, Justin Drake u Justin Bieber, Hillary Duff, Taylor Swift, Lady Gaga u DJ Tiesto. Jispikka wkoll il-President tal-Istati Uniti Barack Obama li, madankollu, rrifjuta l-isfida u għalhekk ta d-donazzjoni ta’ $100. Wara d-donazzjoni, reġa’ ġie sfidat mill-kantant Justin Bieber, mill-plejer tal-basketball LeBron James u l-mużiċist Weird Al Yankovic.
Filwaqt li għal xi wħud din hi sempliċiment ġennata, għal oħrajn hi għan nobbli li permezz tiegħu qed jitqajjem għarfien dwar kundizzjoni medika li tikkawża ħafna tbatija lill-pazjenti.