It-Taqsima Entitajiet Pubbliċi u Kommunikazzjoni tal-Union Ħaddiema Magħqudin ikkundannat bis-sħiħ l-attakk vjolenti li allegatament seħħ fuq membri tal-Korp tal-Pulizija f’dawn l-aħħar jiem. Fi stqarrija, filwaqt li awgurat fejqan ta’ malajr lill-membri tal-Pulizija nvoluti, il-UĦM ikkundannat l-atti vjolenti kollha li twettqu dawn il-jiem fuq il-membri tal-Korp waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Dawn il-ħaddiema ta’ kuljum jaqdu r-rwol importanti tagħhom b’mod professjonali u b’dedikazzjoni kbira biex jipproteġu l-interess taċ-ċittadini Maltin. Il-UĦM tenniet li, filwaqt li għandhom jiġu żgurati penali ħorox għal min jagredixxi ħaddiema fil-Korpi dixxiplinati u uffiċjali pubbliċi, jenħtieġ li jsiru diskussjonijiet immedjati mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali biex kemm hu possibli jiġu evitati r-riskji li jiffaċċjaw il-ħaddiema tal-Korp tal-Pulizija fil-ħidma tagħhom.
//= $special ?>