Lokali

Jintlaħaq qbil dwar isem għall-arkata ta’ Fleur-de-Lys

Wara nuqqas ta’ qbil li ilu għaddej bejn il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u dak ta’ Santa Venera, intlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat għall-isem li għandha tingħata r-replika tal-Arkata ta’ Fleur-de-Lys. Din l-arkata, li se ssir fir-roundabout li tgħaqqad iż-żewġ lokalitajiet se tissemma’ “L-Arkata ta’ Wignacourt magħrufa bħala l-Bieb ta’ Fleur-de-Lys”.

Meta fis-snin li għaddew kien inħareġ il-permess biex tittella’ din l-arkata, dak iż-żmien lis-Sindku Nazzjonalista ta’ Birkirkara Michael Fenech Adami, il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera kien għamel mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Kunsill Karkariż dwar il-konfini taħt liema lokalità se taqa’ din l-arkata. Il-Kunsill ta’ Birkirkara kien argumenta li r-roundabout ma’ taqa’ taħt l-ebda Kunsill Lokali, iżda hi responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali.

Aktar tard, il-Kunsill Vendriż għamel ukoll mandat ta’ inibizzjoni ieħor, din id-darba dwar l-isem li għandha tingħata l-arkata. L-argument tal-Vendriżi hu li din l-arkata hi monument iddedikat lil dawk kollha li taw ħajja lill-proġett tal-akwadott. L-arkata nbniet fl-1615 għal Gran Mastru Alof de Wignacourt, iżda ġarrbet ħsarat fl-1943 u fl-1944, tant li fis-snin ta’ wara kellha tinħatt.

Fil-Qorti, quddiem l-Imħallef Tonio Mallia, il-Kunsill ta’ Santa Venera rtira dan l-aħħar mandat, biż-żewġ Kunsilli Lokali jilħqu ftehim. Il-Kunsill ta’ Birkirkara kien qed jinsisti li fl-isem għandu jiddaħħal il-kliem “Fleur-de-Lys”, filwaqt li l-Kunsill ta’ Santa Venera ried li fl-isem ikun hemm inkluż isem il-Gran Mastru Wignacourt.

Persuni li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li ż-żewġ Kunsilli Lokali bdew jintilfu wara t-tnietef u nesew x’sinifikat għandu dan il-monument. Huma appellaw liż-żewġ naħat għall-għaqda meta s-sena d-dieħla se jiġi ċċelebrat l-400 anniversarju mit-tlestija tal-bini tal-akwedott u l-wasla tal-ilma.

Ix-xogħol fuq il-proġett biex din l-Arkata tinbena mill-ġdid beda fl-aħħar ġimgħat, bi spiża li tlaħħaq il-280,000 ewro. Il-Bank of Valletta se jiffinanzja 100,000 ewro minn din l-ispiża, filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara se jħallas il-bqija.