Lokali

L-Awditur Ġenerali mitlub jinvestiga l-każ tal-akkwist mill-Gvern tal-Café Premier

F’ittra mibgħuta dalgħodu, l-Awditur Ġenerali ġie mitlub jinvestiga x’wassal u kif il-Gvern ħallas is-somma ta’ €4.2 miljun lis-sidien ta’ Cities Entertainment Ltd biex jakkwista lura dak li hu magħruf bħala Café Premier fil-Belt. Dan il-każ ġie żvelat mill-gazzetta Maltatoday, li fl-aħħar xhur kompliet tiżvela bosta dettalji li jqajjmu suspetti kbar.

Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħadet l-inizjattiva li titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga dan il-każ u jiddetermina numru ta’ fatti kruċjali fi ftehim bħal dan. Agħfas hawn biex taqra l-ittra, li ġiet iffirmata mill-membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) Tonio Fenech, Claudio Grech u Kristy Debono, kif ukoll mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.