Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef ċaħdet talba li saret minn diversi għaqdiet ambjentali biex jinħareġ mandat sabiex l-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tinżamm milli tesegwixxi permess biex tinbena ‘communications hub’ fid-Dwejra, limiti tar-Rabat ta’ Malta.
Il-mandat biex jitwaqqaf dan l-iżvilupp kien ippreżentat mill-għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA), Ramblers Association, BirdLife Malta, Nature Trust, Friends of the Earth Malta, Malta Organic Agricultural Movement u Charles Azzopardi bħala Sindku tal-Kunsill tar-Rabat ta’ Malta, kontra l-MEPA u Jan Spiteri li jrid jiżviluppa l-‘communications hub’.
Kien f’Settembru ta’ tmien snin ilu li Spiteri talab lill-MEPA biex toħroġ permess biex tinbena ‘telecommunications hub’ fid-Dwejra. F’Ġunju tal-2013, il-MEPA ħarġet il-permessi mitlubin mill-applikant taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom li fi żmien sitt xhur l-applikant ried jasal fi ftehim mal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni.
L-applikant u l-Awtorità Maltija dwar il-komunikazzjoni laħqu ftehim dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-bini tal-iżvilupp li dwaru nħareġ il-permess mill-MEPA. Il-qbil kien jitlob mill-applikant it-twettiq ta’ kundizzjonijiet imposti mill-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni.
L-Għaqdiet Ambjentali qalu li d-deċiżjoni meħdua mill-Bord tal-MEPA, li ma jħassarx il-permess mogħti lil Spiteri, kisret il-liġi. Dan għaliex din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr ma l-Bord sema’ x’kellhom xi jgħidu huma. Apparti minn hekk, ma ngħatat l-ebda raġuni għaliex it-talba tagħom ma ġietx milqugħa.
Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fid-deċiżjoni tagħha qalet li l-għaqdiet ambjentali naqsu milli jippruvaw kemm kienet se tkun il-ħsara li se jġarrbu kemm-il darba ma tintlaqax it-talba tagħhom, meta kkomparat mal-preġudizzju li jiġġarrab li kieku t-talba għall-ħruġ tal-mandat tintlaqa’. Il-Qorti qalet li din il-prova kellha tinġieb minn min għamel il-kawża.
Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili qalet ukoll li l-permessi għall-iżvilupp li minnhom jilmentaw l-għaqdiet mhumiex se jitwettqu fi ħwejjiġhom, għalkemm jista jkun li għal uħud minnhom dan l-iżvilupp se jsir qrib darhom. Il-Qorti qalet li dan jirrendi l-ħruġ tal-mandat wieħed sekondarju. Wara li qieset dan, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħruġ ta’ mandat.
//= $special ?>