F’intervista twila, l-eks manager ta’ Man Utd David Moyes qal li kien diżappuntant bil-fatt li Man Utd ma tawhx ċans jaħdem u fl-istess ħin żvela li meta kien qed imexxi lir-Red Devils ried li jakkwista lil Gareth Bale jew iġib lura lil Cristiano Ronaldo. Moyes kien inħatar minflok l-eks managaer leġġendarju Alex Ferguson u dam biss 10 xhur fil-kariga wara li tkeċċa. Taħt it-tmexxija tiegħu Man Utd temmew fis-seba’ post fil-kampjonat u ma rebħu l-ebda unur u dan l-istaġun hu Louis Van Gaal li qed imexxi lil Man Utd minfloku. Dan tal-aħħar beda l-avventura tiegħu mar-Red Devils b’telfa f’Old Trafford kontra Swansea.
“Hu fatt magħruf li ridna lil Fabregas, Bale jew lil Ronaldo. Meta ingħatajt il-kariga ta’ manager ta’ Man Utd kien hemm diġa’ spekulazzjonijiet li Ronaldo seta’ jiġi lura magħna.
Konna viċin li nakkwistaw xi plejers ta’ klassi mondjali imma mhux se nagpti tort lid-diriġenti talli dan ma sarx.
Jien kont għadni kemm ħadt post l-aktar manager li qatt kiseb suċess fl-istorja tal-futbol Ingliż filwaqt li Ed Woodward kien għadu kemm ħa post David Gill. B’hekk, konna t-tnejn li aħna qed naħdmu f’ambjent ġdid fejn għall-bidu kolox ikun diffiċli,” qal Moyes.
“Il-kariga tiegħi kienet waħda diffiċli u meta inħares lura ninduna li kienet impossibbli li nirrepeti dak li għamel Ferguson ma’ Man Utd. Madankollu, dak iż-żmien kien iż-żmien ġust li jien inkun maħtur manager ta’ Man Utd. Kont ilni ma’ Everton għal aktar minn 11-il sena u konna ikkwalifikajna għaċ-Champions League, wasalna sal-finali tal-FA Cup u jien ġejt ivvutat bħala l-aqwa manager tal-istaġun għal tliet darbiet. Kont wieħed mill-aktar managers li kelli esperjenza fil-Premiership u Man Utd dejjem kellhom managers mir-Renju Unit u b’hekk nemmen li min-naħa tagħhom kienet għażla tajba li ħatru lili bħala manager,” kompla jgħid Moyes.
Moyes temm jgħid li kien ferm diżappuntant li tkeċċa mil-kariga għax jemmen li ma ingħatax ċans biżżejjed biex jikseb suċċess.
//= $special ?>
