Internazzjonali

Pass importanti lejn il-beatifikazzjoni tal-Arċisqof Romero

Il-Papa Franġisku neħħa l-projbizzjoni għall-beatifikazzjoni tal-Arċisqof Oscar Romero, li nqatel fl-1980 waqt li kien qed jiċċelebra l-quddies fl-eqqel tal-gwerra ċivili ta’ El Salvador.

Id-direttiva tal-Papa hi waħda sinifikanti meta l-Knisja Kattolika kienet damet is-snin tostakola l-proċess ta’ beatifikazzjoni minħabba t-tħassib li Romero kien imnebbaħ mill-ideat Marxisti. Il-proċess ta’ beatifikazzjoni jinvolvi l-ewwel pass qabel il-konferma tal-istat tal-qdusija. Romero kien magħruf ukoll bħala kritiku kbir tar-reġim militari li kien jaħkem lil El Salvador waqt il-gwerra ċivili.

Waqt li kien qed jivvjaġġa lura lejn il-Vatikan mill-Korea t’Isfel, il-Papa, għall-ewwel darba, qajjem il-prospett ta’ mewtu fil-pubbliku u sostna – b’ton mhux nieqes mill-umoriżmu – li hu qed jikkalkula li se jkompli jgħix għal sentejn jew tliet snin oħra. Fl-istess ħin, hu ma ċaħadx il-possibbiltà li hu jista’ jirtira qabel jasal dak iż-żmien.

Filwaqt li l-Papa, qabel, qatt ma lissen kliem ta’ din ix-xorta, is-sorsi fil-Vatikan qalu li Franġisku kien diġà żvela l-ħsieb li fadallu biss ftit snin oħra ta’ ħajja lill-eqreb nies ta’ miegħu. Hu minnu wkoll li l-Papa semma l-possibbiltà li jirtira mit-Tmexxija tal-Knisja (bħalma għamel il-Papa Benedittu, is-sena l-oħra), f’każ li hu jħoss li ma jistax iwettaq aktar id-doveri tiegħu b’mod adegwat.