Qorti

Probation wara li tajjar tliet sinniet lil raġel waqt il-festa ta’ Santa Elena

Raġel ta’ 35 sena minn San Pawl il-Baħar tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ tliet snin wara li fl-2009 kien involut fi ġlieda waqt il-festa ta’ Santa Elena f’Birkirkara. Huwa nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq ċertu Stephen Borg.

Fil-Qorti rriżulta li f’Awwissu tal-2009, il-vittma għadda minn quddiem l-akkużat Ryan Dimech. Ftit wara qam argument bejn iż-żewġ persuni u Dimech ta daqqa ta’ ponn lil Borg u tajjarlu tliet sinniet.

Meta xehed fil-Qorti d-Dentist Adam Bartolo ikkonkluda li Borg ma kellux ksur fix-xedaq, madankollu kellu ksur f’sinna artifiċjali u f’żewġ sinniet naturali, li però ġew mgħottija b’biċċa artifiċjali wkoll.

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera sabet lil Dimech ħati li kkaġuna feriti gravi fuq Stephen Borg u li kiser il-paċi pubblika. Apparti l-probation, il-Qorti ordnat lil ħati iħallas kumpens lill-vittma ta’ €500. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kevin Farrugia.