Jidher li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei sejra għall-agħar.
Matul is-sena u nofs li ilu fil-Gvern, il-Partit Laburista mhux talli ma solviex il-problemi fil-qasam tas-saħħa bħalma wiegħed qabel l-elezzjoni, imma talli l-problemi komplew jiżdiedu.
Matul il-ġurnata tat-Tlieta fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei kien hemm sitwazzjoni kaotika u konfużjoni kbira. Kwantita` kbira ta’ nies kellhom jistennew għal sigħat twal biex ikunu eżaminati bil-frustrazzjoni kollha li dan iġib miegħu.
Jidher li minħabba li l-Gvern Malti ġab ammont sostanzjali ta’ pazjenti Libjani għal kura f’Malta, dawn qed jokkupaw numru kbir ta’ sodod fis-Swali tal-Isptar Mater Dei u anke fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Sorsi qalu lil dan l-istazzjon li minn kemm ilu li faqqa’ l-ġlied fil-Libja fil-gimghat li għaddew, b’kollox diġa’ inġiebu madwar 55 pazjent mil-Libja u dawn jinsabu għall-kura fl-Isptar Mater Dei. Ħafna minnhom qed jingħataw kura f’Dipartimenti differenti tal-Isptar u għalhekk qed jokkupaw sodod fis-swali tal-Isptar.
Konsegwenza ta’ dan, numru kbir ta’ pazjenti Maltin qed jispiċċaw fil-kuriduri fl-Isptar minħabba li s-sodod fis-swali huma okkupati minn pazjenti Libjani. Barra minn hekk, seba’ pazjenti Libjani qed jinghataw kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar u dan ifisser li huma qed jokkupaw ammont sostanzjali ta’ spazju ta’ din it-Taqsima.
Dan qed iwassal għal paniku fost it-tobba u l-infermieri li jaħdmu f’din it-Taqsima minħabba li qed ikun hemm każi fejn ma jkunx hemm spazju biżżejjed għal każi urġenti li jinqalgħu minn żmien għal żmien.
Ħafna qed jistaqsu wkoll kif il-Ministru Konrad Mizzi li hu responsabbli mis-Saħħa kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa, Chris Fearne, m’huma jidhru imkien.
Dan minbarra n-nuqqas ta’ mediċini li mhux talli mhux jitwasslu wara l-bieb tal-anzjani u tal-pazjenti kif wiegħed il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, imma talli lanqas jinsabu fl-Ispiżeriji li jiffurmaw parti mill-iskema tal-Ispizerija tal-Għażla Tiegħek. Mediċini li suppost wieħed hu intitolat għalihom b’xejn, qed ikollhom jinxtraw ħafna drabi mill-ftit pensjoni li wieħed ikollu.
//= $special ?>

