Diversi studenti Universitarji, bil-maġġoranza tagħhom mill-Fakultajiet tal-Inġinerija, tal-Ekonomija, tal-Management u tal-Accountancy, ingħaqdu biex fasslu karozza, li bnewha u issa se jtellqu biha f’kompetizzjoni internazzjonali biex jikkompetu ma’ Universitajiet oħrajn madwar id-dinja. Il-grupp, ta’ madwar 15-il student, qatta’ sentejn jaħdem fuq dan il-proġett fil-ħin ħieles u fi tmiem il-ġimgħa.
Dennis Dalli, wieħed mill-istudenti, fisser kif it-Tim tat-Tlielaq tal-Karozzi tal-Università ta’ Malta twaqqaf bl-iskop li jkun hemm tim ġdid ta’ studenti biex jibni karozza ġdida kull sena. Qal li din l-ewwel karozza, li tiżen 230kg, għandha magna ta’ mutur 600cc. Issa li l-proġett tlesta, it-tim se jikkompeti f’avvenimenti statiċi u oħrajn dinamiċi f’Varano de Melegari f’Parma bejn id-29 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru. Fil-kompetizzjoni, magħrufa aħjar bħala Formula ATA, se jieħdu sehem studenti minn madwar 80 Università mid-dinja kollha.
Il-karozza, li ġiet tiswa qrib it-€30,000, kienet finanzjata permezz ta’ sponsorships minn diversi kumpaniji privati, kif ukoll mill-Gvern. Il-Ministri Evarist Bartolo u Joe Mizzi, li kienu preżenti għall-inawgurazzjoni tal-proġett, faħħru lill-istudenti għall-inizjattiva tagħhom u awgurawlhom kull suċċess fil-kompetizzjoni li qed jistennew b’ħerqa kbira fl-Italja.
//= $special ?>