Qorti

Anzjan illiberat bil-kundizzjoni wara li pponta revolver ikkargat lejn Slimiż

Anzjan ta’ 73 sena mill-Gżira ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Claire Louise Strafrace Zammit, li s-Sibt li għadda, għall-ħabta tas-7pm, mar Tas-Sliema u pponta revolver fid-direzzjoni ta’ Stephen Galea minn Tas-Sliema.

Minkejja li ammetta, Ugo Scicluna qal li hu mar fejn ir-residenza ta’ Galea, fi Triq Gafar, biex jurih ir-revolver tal-marka Rohm. Hu ammetta wkoll li fl-istess data u ħin, bħala detentur tal-liċenzja, naqas milli jħares il-pattijiet tal-liċenzja u li hedded u nġurja lil Galea.

Il-Qorti qieset il-fatt li Scicluna ammetta fi stadju bikri tal-proċeduri, iżda ordnat ukoll il-konfiska tal-arma. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley, filwaqt li għal Scicluna deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Anthony Stellini.