Kultura Kunsilli Lokali Lokali

“Festa Għeneb” għas-Sibt li ġej fis-Siġġiewi

Is-Sibt li ġej, mis-7pm ‘il quddiem, se ssir it-tielet edizzjoni ta’ “Festa Għeneb” fi Pjazza San Nikola, fis-Siġġiewi. “Festa Għeneb” hi attività għall-familja kollha, li għandha l-għan li tiċċelebra l-vendemmia, jiġifieri l-qtugħ tal-għeneb mid-dwieli li hemm fis-Siġġiewi. Id-dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet, fl-istess Pjazza fejn se ssir l-attività, mis-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina fil-preżenza tas-Segretarji Parlamentari Stefan Buontempo u Roderick Galdes.

Is-Sindku tas-Siġġiewi qal li b’aktar minn 530,000m kwadru ta’ dwieli, is-Siġġiewi hu l-lokalità bl-akbar varjetà ta’ dwieli f’Malta u Għawdex. Hu stmat li aktar minn 400 familja fis-Siġġiewi huma direttament involuti fit-tħawwil u ż-żamma ta’ varjetà kbira ta’ dwieli. Waqt l-attività, isir ukoll l-għasir tradizzjonali tal-għeneb f’vaska kbira tal-ġebel mibnija fi Pjazza San Nikola. Karol Aquilina qal li l-inbid li se jinġabar minn dan it-tagħsir jiġi bbottiljat, jinbiegħ u l-qligħ imur kollu għad-Dar tal-Providenza.

Min-naħa tagħhom, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo tkellmu dwar kif attività bħal din tgħaqqad il-lokalità tas-Siġġiewi, filwaqt li tippromwovi l-prodott lokali. Huma saħqu dwar il-fatt li rridu nagħrfu kif il-prodott lokali nwassluh lit-turisti li jżuru pajjiżna.