Internazzjonali

Filmat brutali mill-ISIS juri t-tħanxir u l-qtugħ ir-ras ta’ ġurnalist Amerikan

Il-militanti Iżlamiċi tal-Istat Iżlamiku fis-Sirja (ISIS) ħarġu filmat brutali li fih iħanxru u jaqtgħu barra ras il-ġurnalist Amerikan James Foley, li kien għeb sentejn ilu fis-Sirja. Persuna b’aċċent li juri li hu Ingliż qal li hu nqatel bi tpatija għall-attakki Amerikani mill-ajru kontra l-militanti Iżlamiċi fl-Iraq. Il-White House qalet li qed tivverifika l-filmat, iżda jekk hu minnu kien atroċi.

Sadanittant, qed jiżdiedu r-rapporti ħerġin mill-Iraq ta’ stupru tal-massa mill-militanti Iżlamici fuq nisa u bniet Insara u anke ta’ reliġjonijiet oħrajn. Wara li nħelsu, ħafna minnhom spiċċaw jitkarbu biex jinqatlu għax qalu li ma jistgħux jiffaċċjaw il-ħajja wara dak li għaddew minnu. In-Nazzjonijiet Uniti qalet li r-rapporti li qed tingħata dwar dawn il-każi kienu verament allarmanti.