Editorjal

Editorjal: Gvern li qed jaħseb li hu infallibbli

Kull meta l-Oppożizzjoni tikkritika lill-Gvern, flok jisma’ u jara x’qed tgħid, il-Gvern Laburista joħroġ bid-diska tal-intolleranza: ‘l-Oppożizzjoni qed tkun negattiva’.

Il-mantra ta’ reġimi intolleranti
Din hi l-mantra ta’ reġimi intolleranti li ma jaċċettawx li jistgħu jiżbaljaw u ma jaċċettawx li ħaddieħor jista’ jkollu raġun. Joseph Muscat jaħseb li għax għandu aktar minn nofs l-elettorat jappoġġjah, allura hu infallibbli.

L-istess mantra dwar id-dettalji sensittivi tal-istudenti
L-istess diska intolleranti l-Gvern Laburista daqqha meta l-Oppożizzjoni kkritikat dak li ried jagħmel il-Gvern meta ried informazzjoni sensittiva fuq l-istudenti kollha.

Dettalji personali tal-istudenti kollha f’kull età
L-Oppożizzjoni kkritikat din il-ħaġa – illum lanqas ritratt ma tista’ tieħu ta’ studenti mingħajr il-permess tagħhom, aħseb u ara d-dettalji personali kollha tagħhom f’kull età. Imma l-Gvern ta’ Muscat mill-ewwel ħareġ jgħid li l-Oppożizzjoni negattiva.

Il-Gvern ivvota kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni
U meta l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament biex jitħassar l-Avviż Legali li kien se jagħti poter lill-Gvern jikser il-privatezza tal-istudenti kollha, il-Gvern ħareġ jgħajjar lill-Oppożizzjoni b’mod mill-aktar intolleranti, u vvota kontra l-mozzjoni.

L-Oppożizzjoni kellha raġun
Issa, erba’ xhur tard, il-Gvern qal li, wara kollox, wara li ħareġ l-Avviż Legali u vvota biex iżommu, issa se jibdlu b’ieħor ġdid. Jiġifieri, ta raġun lill-Partit Nazzjonalista.

Jagħmel ħażin min jibla’ d-diska ta’ Muscat
Apparti li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun fuq din il-kwistjoni – u r-raġun m’hemmx għalfejn jagħtihulu l-Gvern, dan kollu juri kemm jagħmel ħażin min jibla’ d-diska ta’ Muscat li l-Oppożizzjoni qiegħda hemm biex toqgħod iċċapċap lill-Gvern.

Muscat b’ħafna media f’idejh
Il-Gvern Laburista għandu ħafna min iċapċaplu. Għandu l-media tal-Istat f’idejh u għandu gazzetti influwenzati minnu. Dawn il-media jċapċpulu lil Muscat.

Muscat b’diska li ġġib dehxa fuq kull min jemmen fid-demokrazija
Li, imma, tant telagħlu għal rasu, li jippretendi li anke l-Oppożizzjoni toqgħod iċċapċaplu. Ħaġa li ġġib dehxa fuq kull min jemmen fid-demokrazija u l-libertà.

Xogħol l-Oppożizzjoni f’demokrazija mhux li toqgħod iċċapċap
Għax xogħol l-Oppożizzjoni f’demokrazija hu proprju li tgħid il-Gvern x’qed jagħmel ħażin u x’jista’ jagħmel aħjar, u dak hu l-akbar pożittiv tal-Oppożizzjoni, kif turi din il-kwistjoni tad-dettalji sensittivi fuq l-istudenti, u kif urew kwistjonijiet oħrajn.

Tkun negattiva l-Oppożizzjoni jekk ma tikkritikax il-ħażin
Tkun negattiva l-Oppożizzjoni kieku ma tikkritikax dak li jagħmel ħażin il-Gvern. U tkun negattiv aktar kieku kellha qatt taċċetta li għandna xi Gvern infallibbli.