Lokali

Ħames xhur wara l-inċident ta’ Owen Bonnici, il-Pulizija għadha qed tinvestiga

Il-Pulizija ma weġbitx mistoqsijiet li bagħatilha MaltaRightNow.com dwar il-każ tal-Ministru Owen Bonnici, li f’April li għadda laqat bi żball karozza oħra fil-bypass ta’ Santa Venera waqt li kien għaddej bil-karozza privata tiegħu. Din il-vettura, li kienet wieqfa bil-ħsara mal-ġenb tat-triq, laqtet żagħżugħ li kien wieqaf maġenbha. Iż-żagħżugħ spiċċa l-Isptar bi ksur f’saqajh u saħanistra kellu jiġi operat b’mod urġenti għall-ksur li ġarrab. Iż-żagħżugħ kien inżamm l-Isptar għal jumejn.

Il-każ kien seħħ tard bil-lejl, ftit ‘il barra mill-mina ta’ Santa Venera, l-għada li Owen Bonnici ħa l-ġurament wara li ġie promoss għal Ministru tal-Ġustizzja fir-Resuffle tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Dan is-sit bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar dan l-inċident tat-traffiku biex jara jekk f’dan il-każ inħarġux charges mill-Pulizija. Fid-domandi tagħna mibgħuta b’email, tlabna wkoll lill-Pulizija biex jgħidu jekk inħarġu ċ-charges, meta u kontra min inħarġu. Min-naħa l-oħra, jekk ma nħarġux charges, għaliex għadhom ma nħarġux u jekk hux se jinħarġu.

Madankollu, għal dawn il-mistoqsijiet, wara aktar minn ġimgħa rċievejna biss risposta li tgħid li “l-istħarriġ fl-aspetti fattwali u legali tal-każ għadhom ma ġewx konklużi”, minkejja li l-inċident ilu li seħħ ħames xhur. L-istess ġara meta seħħ il-każ, hekk kif il-Pulizija ma kienet ħarġet l-ebda stqarrija minkejja li ssoltu tinħareġ stqarrija meta jseħħ inċident tat-traffiku li jinvolvi feriti gravi, bħal dan il-każ la ż-żagħżugħ sofra ksur ikklassifikat bħala ferita gravi. Dakinhar ukoll, il-Pulizija ma kinitx wieġbet lanqas domandi li kien bagħat MaltaRightNow.com, bit-tweġiba kienet biss simili għal dik li rċievejna issa, jiġifieri li mhux prudenti li wieħed jikkummenta għax l-investigazzjoni kienet għadha għaddejja.

Minbarra li nżamm moħbi mill-Pulizija u minkejja li kien sar rapport dwar l-inċident, anke l-Gvern ma kien qal xejn dwar il-każ meta seħħ il-każ. Kellhom jgħaddu ħamest ijiem biex il-Ministru Bonnici ħareġ stqarrija u kkonferma l-istorja kelma b’kelma sagħtejn wara li l-każ ġie żvelat f’NET News. Fl-istqarrija kien intqal li l-Ministru u s-sid tal-karozza qed jirrisolvu l-pendenzi ċivili b’mod bonarju, iżda kien intqal ukoll li hemm proċess li jrid jiġi segwit mill-Pulizija fis-seduta tat-traffiku, kif jiġri f’każi bħal dawn. L-istqarrija kienet kompliet li l-Ministru, li kkopera mal-awtoritajiet fil-post, se jsegwi l-proċeduri li kull ċittadin isegwi f’ċirkostanzi bħal dawn.

Dan kien ifisser li mhux eskluż li l-Ministru jkollu jidher quddiem il-Qorti għax minkejja li ż-żewġ partijiet kienu ftehmu fuq il-każ ċivili, il-Pulizija xorta hi marbuta li tieħu passi kriminalment la kien hemm feriti gravi.