Lokali

Il-kriżi fil-Libja diskussa waqt laqgħa tal-MCESD

L-Erbgħa waranofsinhar saret laqgħa tal-MCESD dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u kif din qed tolqot lin-negozji Maltin f’dan il-pajjiż. Din il-laqgħa li saret fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili fil-Belt, u kienet ippreseduta mill-Ministru Helena Dalli, intalbet mill-Kamra Maltija tan-Negozji Żgħar u Medji – il-GRTU.

Il-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar, li huwa wkoll responsabbli mill-Centru ta’ Kontingenza tal-Gvern dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, qal li dak li qed jigri fil-Libja qed jaffettwa lil kulħadd u hu differenti minn dak li ġara fl-2011. Dan għaliex dak iż-żmien, sostna Cutajar, kont taf min huma n-nies: min hu favur Gaddafi u min hu kontra. Min-naħa l-oħra llum għandek diversi fazzjonijiet jiġġieldu kontra xulxin.

Hu qal li l-Crisis Centre li kien twaqqaf ukoll fl-2011, beda jiltaqa’ malli l-krizi iggravat. Cutajar qal li pajjiżna huwa lest għal influss ta’ nies minn dan il-pajjiz gar taghna. Fil-fatt qal li l-Gvern għandu pjan car ta’ riserva li fiha jista’ jżomm madwar 4,800 ruħ f’daqqa.

S’issa waslu f’pajjiżna 48 pazjent mil-Libja u 7 ġew rilaxxati. Kien hemm ukoll pazjent li nġieb mil-Libja u miet Mater Dei.

Il-Kap taċ-Ċivil qal li mill-2011 ‘l hawn bdiet tinbena database biex jinżamm kuntatt mal-Maltin li jaħdmu fil-Libja bil-maggoranza tagħhom jinsabu f’Bengazi u Tripli.

Sa issa 163 Malti ngħataw għajnuna u assistenza mil-Gvern Malti biex dawn jinġiebu lura.

Il-Ministru Chris Cardona, li wkoll kien preżenti għal-laqgħa mal-imsieħba soċjali, qal li hemm madwar 200 organizzazzjoni Maltija li għandhom interess kummerċjali fil-Libja. Min stħarrig li għamel il-Ministeru jirriżulta li l-kriżi fil-Libja se tħalli impatt negattiv immens fuq in-negozji Maltin f’dan il-pajjiż.

Cardona qal li se jagħmel minn kollox biex il-Gvern jipproteġi n-negozji u l-postijiet tax-xogħol f’dan il-pajjiż.