Matul il-jum tal-bieraħ, fuq Facebook ħafna bdew idawwru ritratt tal-attriċi Amerikana Angelina Jolie tiekol il-pastizzi fuq vapur tal-Gozo Channel. Ħafna kienu dawk li bdew jiġbdu l-attenzjoni li r-ritratt hu wieħed imbagħbas, iżda dan il-fatt jidher li kompla jagħmel ir-ritratt aktar popolari.
Naturalment, l-idea ta’ min bagħbas dan ir-ritratt oriġinat mill-fatt li Jolie u żewġha Brad Pitt mistennija jkunu Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin biex jiġbdu film. Madankollu, żewġ ħarsiet lejn ir-ritratt imbagħbas kienu biżżejjed biex wieħed jinduna kemm ir-ritratt hu, fil-fatt, wieħed falz.
Sadanittant, fis-sigħat li għaddew sar magħruf minfejn oriġina r-ritratt. Fil-fatt, ir-ritratt oriġinali hu ta’ tfajla mill-Awstralja, li ftit tax-xhur ilu żaret Għawdex u xtrat il-pastizzi minn fuq il-vapur tal-Gozo Channel.
Taħt ir-ritratt oriġinali fuq is-sit elettroniku globenotes.com it-tfajla, bil-username “curlyworld” u li qalet li jisimha Kaya, kitbet li flimkien ma’ sħabha ddedikaw l-1 ta’ Ottubru (meta telgħu Għawdex) bħala “Official Pastizzi Day” għax għamlu ġurnata sħiħa jieklu l-pastizzi.
//= $special ?>