Għawdex Lokali

Jibda l-proċess ta’ restawr fuq l-istatwa tas-Salvatur

Ingħata bidu għall-proċess ta’ restawr li se jsir fuq l-istatwa tas-Salvatur, fil-limiti ta’ Marsalforn Għawdex. Fil-post illum beda jintrama scaffolding biex ikun jista’ jsir ix-xogħol meħtieġ. Matul il-proċess ta’ restawr se jitneħħa l-fibre glass eżistenti, li qed jitqaxxar, u se jiġu rrestawrati l-partijiet neqsin speċjalment madwar ir-ras tal-istatwa wara li xi snin ilu din ġiet milquta minn sajjetta.

Imbagħad, is-Salvatur se jerġa’ jinkesa bil-fibre glass u b’dak li jissejjaħ gel coat biex tiġi protetta l-istruttura mill-elementi. Għalhekk ikun jista’ jiġi evitat li ssir aktar ħsara lill-istatwa. Se ssir ukoll sistema ta’ dwal, li se tkun taħdem permezz ta’ pannelli fotovoltajċi ħalli l-istatwa tkun tista’ titgawda anke matul il-lejl.

Ix-xogħol mistenni jieħu madwar xahar u se jsir minn Ħaddiema tal-Gvern. Fi żjara li għamel biex jara l-bidu tal-proċess ta’ restawr, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo rringrazzja lill-Forzi Armati ta’ Malta, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Korp tal-Pulizija u lill-għaqda Wirt Għawdex għall-għajnuna u l-koperazzjoni tagħhom biex isir dan il-proġett.