L-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech iddikjara li kull każ ta’ abbuż sesswali fuq il-minuri hu ġerħa profonda fil-Knisja u fis-Soċjetà. Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex f’komunikat wara li Qassis ilbieraħ tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex akkużat b’abbuż fuq minorenni. Mons Grech qal li bħala Ragħaj, hu qrib l-allegati vittmi, il-familji u l-qraba tagħhom. Qal li jagħraf li għandu doveri kemm lejn is-Saċerdoti kollha, inkluż dawk li jiżbaljaw, kif ukoll lejn il-poplu ta’ Alla, b’mod partikolari lejn il-minuri.
Fil-Komunikat, ippubblikat mill-Kurja tad-Djoċesi ta’ Għawdex, Mons Grech kompla li kif f’dan il-każ segwa l-protokolli indikati mil-Liġijiet Kanoniċi u Ċivili, jiżgura li hekk jagħmel ukoll jekk u meta jinqalgħu każi simili.
L-Avukat Ġenerali mistenni jappella fuq il-ħelsien mill-arrest u d-divjet fil-każ tal-Qassis mixli kkorrompa minuri
L-Avukat Ġenerali mistenni jappella mid-deċiżjoni tal-ħelsien mill-arrest u mill-fatt li l-Qorti ta’ Għawdex ordnat id-divjet tal-Qassis ta’ madwar 40 sena, li lbieraħ waranofsinhar ġie mixli quddiem il-Maġistrat Paul Coppini li kkorrompa tliet minuri, ilkoll bniet. Hu ġie mixli li wettaq dawn ir-reati numru ta’ snin ilu. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-Appell se jiġi ppreżentat fil-Qorti bejn għada u t-Tnejn li ġej, fejn jidher li l-Avukat Ġenerali mhux qed jaqbel li f’każ bħal dan u li għadu fi stadju bikri, l-akkużat kellu jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Fil-fatt, il-Qorti ta’ Għawdex tat il-pleġġ lill-Qassis fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Hu kien ordnat ukoll biex ma jersaqx lejn il-lokalitajiet ta’ fejn allegatament wettaq ir-reati, filwaqt li hu ristrett biex għal ħafna mill-ħin joqgħod fil-konfini tar-raħal fejn joqgħod. L-Avukat Ġenerali lanqas mhu jaqbel li l-Maġistrat Coppini ordna li isem il-Qassis ma jissemmiex fil-media, xi ħaġa li ssir biss meta l-allegati vittmi jkunu jiġu mill-akkużat u għalhekk id-divjet isir biex jiġu protetti l-minuri. Fl-Appell, l-Avukat Ġenerali mistenni jikkwota wkoll każ simili ta’ raġel mill-Belt li tressaq il-Qorti, quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, u t-talba għal divjet mill-Avukat tiegħu kienet miċħuda minħabba li m’hemm l-ebda relazzjoni mal-vittmi.
Il-Qassis tressaq il-Qorti fil-preżenza ta’ numru ta’ ġurnalisti, bl-Avukat Carmelo Galea jagħmel talba biex il-każ jinstema’ bil-magħluq. It-talba kienet milqugħa mill-ewwel. L-Ispettur Sylvana Briffa m’opponietx minħabba n-natura tal-każ, bil-Maġistrat Paul Coppini jordna divjet fuq kollox, inkluż isem l-akkużat, minn fejn hu u l-proċeduri kollha fil-każ, anke minħabba l-fatt li fil-kumpilazzjoni mistennija jixhdu diversi minuri u li ħafna minnhom jidhru li qed jibżgħu jagħtu x-xhieda tagħhom.
Ilbieraħ MaltaRightNow.com irrapporta li l-każ beda meta tifla ta’ tmien snin tkellmet ma’ xi ħadd dwar l-avvanzi tal-Qassis. Minn hemm, l-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji bdiet l-investigazzjonijiet tagħha. Minkejja li għall-ewwel il-Pulizija bdiet issib diffikultà, jidher li kien hemm ħafna oħrajn li resqu lejn il-Pulizija u tkellmu li kienu għaddew mill-istess sitwazzjoni li allegatament għaddiet minnha t-tifla ta’ tmien snin. Il-Pulizija mhux qed teskludi li jista’ jkun hemm minuri oħrajn li ġew abbużati.
Il-każ irid jiġi assenjat għall-provi u fi żmien 10 t’ijiem minn mindu tressaq il-Qassis għandhom jibdew jinstemgħu l-provi.
//= $special ?>