“No Tokens please, kulma rridu hi provvista tal-enerġija ta’ min jorbot fuqha, bil-prezz u l-kundizzjonijiet ġusti”. Din kienet l-ewwel tweġiba mill-imsieħba soċjali għall-aħbar tal-bieraħ li l-Gvern se jagħti €25 lil familji li qattgħu aktar minn 12-il siegħa bla dawl fil-blackout ta’ ġimgħa ilu. Din l-aħbar taha l-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi, meta kien qed iżur iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Enemalta fil-Marsa, li l-isplużjoni li seħħet fih ikkawżat il-qtugħ fid-dawl. Numru ta’ lokalitajiet kienu qattgħu kważi ġurnata sħiħa bla elettriku.
L-ewwel għaqda li rreaġixxiet kienet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), li fi stqarrija qalet li hu inaċċettabbli li jkollna pajjiż sħiħ li jqatta’ sigħat twal bla dawl. L-MHRA ilmentat dwar immaniġġjar ħażin tal-proċess ta’ komunikazzjoni mill-Gvern għax il-€25 li l-Gvern ħabbar li se jagħti lid-djar qed tiġi interpretata li hi xi kumpens. Madankollu, dan mhu kumpens xejn iżda biss token, qalet l-MHRA. L-Assoċjazzjoni sostniet li għandha riservi fuq id-deċiżjoni tal-Gvern li jagħti dan it-token, u sostniet li d-dritt għal kumpens hu materja legali.
L-MHRA għamlitha ċara li l-imprendituri, kif ukoll is-sidien tal-lukandi u r-ristoranti mhumiex interessati f’tokens bħal dawn, iżda jridu provvista tal-elettriku ta’ min joqgħod fuqha u konsistenti, li sservi l-għanjiet tagħha, bi prezz raġjonevoli u l-aħjar kundizzjonijiet. Filwaqt li toqgħod lura milli tikkummenta dwar il-konferma li ta l-Ministru Mizzi li m’hemmx kumpens ippjanat għan-negozji, l-MHRA tgħid li kellha laqgħat mal-Ministru dwar dak li ġara u nghatat assigurazzjoni li l-Gvern se jżomm il-wegħda tiegħu li jraħħas it-tariffi tal-enerġija b’25%, anke għas-settur kummerċjali u tan-negozju, sa Marzu 2015.
L-MHRA sejħet ukoll lill-Gvern biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħlasijiet ħalli dawn jiġu jirriflettu l-kunċett tal-istaġjonalità fl-industrija tat-turiżmu, filwaqt li jikkunsidra li jdaħħal skema li tindirizza l-ħlas tal-interessi fuq kontijiet pendenti. Appellat ukoll biex l-Enemalta tadotta kemm jista’ jkun malajr Quality Service Charter.
//= $special ?>