Lokali

Mixja bil-lejl mill-Pjazza ta’ Buġibba biex jinġabru fondi b’risq il-Moviment Hospice

“Kun id-dawl matul il-lejl” hi t-tema tal-mixja bil-lejl li qed jorganizza l-Moviment Hospice il-Ġimgħa, 12 ta’ Settembru. Wara s-suċċess ta’ din il-mixja s-sena li għaddiet, din is-sena l-mixja se jkollha żewġ rotot differenti, bit-tnejn li huma jitilqu mill-Pjazza ta’ Buġibba.

Iż-żewġ mixjiet se jibdew fl-10.30pm u filwaqt li waħda minnhom hi twila 4km b’dawra mat-toroq tal-Qawra, it-tieni waħda hi twila 9km u tispiċċa fil-Pjazza tal-Mosta. Il-mixja ta’ 4km hi mistennija ddum madwar siegħa, filwaqt li t-tieni waħda mistennija ddum madwar sagħtejn.

Il-Moviment Hospice qed joffri trasport mill-Pjazza tal-Mosta għal dawk li se jkunu qed jipparteċipaw fil-mixja ta’ 9km ħalli l-parteċipanti jkunu jistgħu jaslu direttament fejn ikunu ħallew il-vetturi tagħhom. Dan it-trasport se jitlaq fid-9pm.

Il-Moviment Hospice appella lil min jixtieq jipparteċipa fil-mixjiet biex japplika sat-Tlieta, 9 ta’ Settembru. Il-parteċipanti qed jintalbu jgħtu donazzjoni ta’ €10, filwaqt li t-tfal taħt it-tmien snin jistgħu jipparteċipaw b’xejn. Il-parteċipanti kollha se jingħataw t-shirt kommemorattiv, xarbiet rinfreskanti matul it-triq, basket bi prodotti u ċertifikat tal-parteċipazzjoni.

Qabel jibdew il-mixjiet, il-Pjazza ta’ Buġibba se tkun mimlija b’attivitajiet għall-familja kollha. Fid-9pm, se jkun hemm animazzjoni minn karattri ta’ Disney, biċ-ċans li jittieħdu ritratti mill-fotografu Reuben Seychell. Wara, se jkun hemm spettaklu divertenti mill-karattri Ġorġ u Pawlu, qabel ma’ fl-10.15pm jingħata bidu għall-warm up minn Artemocion.

Qabel it-tluq tal-mixjiet, se tinżamm ukoll minuta silenzju b’memorja għal dawk li ħallewna.

Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jċempel lill-Moviment Hospice fuq 21440085 jew jibgħat email lil fr@hospicemalta.org. Wieħed jista’ jniżżel ukoll l-applikazzjoni mis-sit elettroniku tal-Moviment Hospice.