Qorti

Ta daqqa ta’ ponn lill-uffiċjal tal-parkeġġ ta’ Mater Dei

Josef Mario Friggeri ta’ 30 sena minn Birżebbuġa ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammetta li ta daqqa ta’ ponn fil-konfront ta’ uffiċjal tal-parkeġġ tal-isptar Mater Dei.

Ir-raġel spiċċa l-Qorti mressaq quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli wara dak li huwa sejaħ inċident sfortunat li fih spiċċa ferut Raymond Leonardi uffiċjal tal-parkeġġ. L-Ispettur Jason Francis Sultana qal li għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħodu Friggieri wassal lit-tfajla tiegħu, li qiegħda tistenna tarbija, l-isptar Mater Dei.

Meta kien fi stat ta’ paniku Friggieri ħalla l-karozza tiegħu pparkjata quddiem l-‘electrical fire panel’. Kif ġie avvinċinat minn Raymond Leonardi, uffiċjal li jidderiġi l-karozzi fil parkeġġ, it-tnejn bdew jargumentaw u Friggieri ta daqqa ta’ ponn lill-vittma.

Friggieri ammetta mill-ewwel l-akkużi miġjubin kontrih, dik li kkaġuna feriti gravi u li kiser l ordni pubblika. Il-pulizija mistennija tieħu passi wkoll u x’aktarx tressaq lill-uffiċjal tal-parkeġġ għal mod kif ġab ruħu fil-każ.