Lokali

TM toġġezzjona għal żidiet fit-tariffi tal-cargo handling mill-VGT

Transport Malta (TM) oġġezzjonat fi stqarrija għad-deċiżjoni tal-Valletta Gateway Terminal (VGT), li hi responsabbli għall-immaniġġjar tal-parti l-kbira tal-merkanzija fil-Port il-Kbir, li tgħolli t-tariffi tal-cargo handling. Dawn it-tariffi huma teknikament magħrufin bħala t-Terminal Operator Charges. Ir-rati l-ġodda, li se japplikaw mill-1 ta’ Settembru, tħabbru f’avviż pubbliku li l-VGT ħarġet il-Ħamis li għadda biex tinforma lill-klijenti tagħha.

Fl-istqarrija tagħha, TM fissret li matul id-diskussjonijiet li kellha mal-VGT, hi dejjem ħadet pożizzjoni kontra żieda fit-tariffi u għadha ssostni din il-pożizzjoni, minkejja l-pubblikazzjoni tal-avviż pubbliku. TM żiedet tgħid li l-isforzi tal-operatur f’dan iż-żmien partikolari għandhom ikunu ffukati fuq ħidma biex ikun attirat kummerċ ġdid lejn Malta, b’żieda fl-investiment u l-marketing aktar milli żieda fit-tariffi relatati ma’ merkanzija domestika.

TM qed tinsisti wkoll li kull żieda fit-tariffi għandha tkun akkumpanjata minn studju li janalizza l-impatt taż-żieda flimkien ma’ pjan kummerċjali.