Futbol Sport

Vantaġġ minimu għal Atletico Madrid

Atletico Madrid kisbu vantaġġ minimu fl-ewwel leg tal-finali tas-Super Cup meta ħadu draw ta’ 1-1 barra minn darhom kontra Real Madrid. Għal Atletico, champions ta’ Spanja din kienet l-ewwel darba f’diversi xhur li ma tilfux kontra Real wara li f’Mejju li għadda kienu tilfu fil-finali taċ-Champions League kontra l-istess tim kif ukoll kienu sfaw eliminati minnhom fit-Tazza tar-Re.

Real Madrid kellhom jilagħbu għal taqsima sħiħa mingħajr Cristiano Ronaldo li weġġa’ u li issa hu dubjuż għat-tieni leg li tintlagħab nhar il-Ġimgħa.

Il-kowċ ta’ Real Carlo Ancelotti għamel żewġ tibdiliet mit-tim li ġimgħa ilu rebaħ 2-0 fil-finali tal-UEFA Super Cup kontra Sevilla. Xabi Alonso beda minflok l-akkwist il-ġdid James Rodriguez u Marcelo beda minflok Coentrao. Kif kien mistenni Iker Casillas beda bejn il-lsati minflok l-akkwist il-ġdid Navas.

Minn naħa tagħhom Atletico Madrid kellhom biss sitt plejers minn 11 li lagħbu fil-finali taċ-Champions League. Qabel ma bdiet il-partita kien hemm minuta ta’ silenzju għall-eks plejer leġġendarju Alfredo Di Stefano li miet f’Lulju li għadda fl-eta ta’ 88 sena.

Kienu Real li ħarġu l-aktar aggressivi u hekk kif għadda ftit ħin Atletico wettqu l-ewwel periklu permezz ta’ Mandzukic, li ġie akkwistat biex jimla l-vojt ta’ Diego Costa, u permezz ta’ Saul.

Gareth Bale kien viċin li jiftaħ l-iskor żewġ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima meta ra x-xutt tiegħu jkun salvat b’mod tajjeb mill-gowlkiper Moya. Fit-68 minuta Moya reġa’ kien impenjat meta salva free kick b’saħħtu ta’ Bale u mir-rebound Toni Kroos spara għoli.

10 minuti mit-tmiem Real Madrid fetħu l-iskor meta Kroos għadda lejn Cavajal li tefa’ cross lejn Benzema imma l-ballun b’xi mod spiċċa għand is-sostitut James RODRIGUEZ li skurja b’xutt li kien anke devjat. Hekk kif kollox deher li Real kienu se jiksbu rebħa minima, żewġ minuti mit-tmiem wasal il-gowl ta’ Atletico. Minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Koke, GARCI,A li kien żmarkat skurja mill-viċin.

Wara l-partita l-kowċ ta’ Atletico Diego Simeone qal li ċ-ċansijiet li t-timijiet jirbħu din it-tazza huma indaqs. “Skurjaw gowl kontrina lejn l-aħħar imma xorta irnexxielna nsibu gowl. Huma tim b’saħħtu bi plejers mill-aqwa u meta taħseb fil-fatt li b’riżultat ta’ 0-0 nirbħu t-tazza wieħed jinduna kemm ġibna riżultat tajjeb fl-ewwel leg.”

“Lgħabna aktar kif ridna aħna milli huma lagħbu kif riedu. Iddefendejna tajjeb, kellna xi ċansijiet u skurjajna gowl importanti,” temm jgħid Simeone.

Minn naħa tiegħu l-kowċ ta’ Real Ancelotti qal li l-injury li sofra Ronaldo fil-hamstring m’hijiex waħda serja. “Atletico issa jibdew favoriti għax aħna rridu niskurjaw bilfors jekk irridu nirbħu. Jekk nilagħbu kif lagħbna llejla konvint li nirbħu t-tazza. Fit-tieni taqsima konna ferm aħjar mill-ewwel taqsima,” qal Ancelotti.