Lokali

Xufier tal-linja ħebb għal mara Irlandiża

Xufier tal-linja, li kien qed isuq karozza mikrija lil Transport Malta, rema l-“push chair” ta’ omm Irlandiża barra t-triq u allegatament, wara, ħebb għaliha billi qabadha minn għonqa. L-Irlandiża kienet passiġġiera fil-karozza fil-ħin li din kienet qed tinstaq fit-telgha tal-Mellieħa.

Wara li din it-turista ppruvat titla’ lura fil-karozza tal-linja b’diffikulta’, minħabba li ma tħallietx – sabiex terġa’ tirkeb tal-linja peress li fuqha kien hemm ukoll passiġġier żewġha biż-żewġt itfal tagħhom – din ma tħallietx fost il-kliem ħażin u baxx li allegatament kien ġej mill-akkużat Ahmed Bounoulder ta’ 48 sena.

Meta b’xi mod it-turista rnexxielha titla’ lura fuq il-karozza tal-linja, skont il-Prosekuzzjoni u diversi xhieda, ix-xufier qabadha minn għonqha.

L-akkużat, li ilu jgħix Malta madwar 20 sena u huwa residenti Wied il-Għajn, ġie akkużat li ħa bil-herra u kkaġuna biżgha fuq Tara Fay Sahi. Huwa ġie mixli wkoll quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li kkaġuna biżgha wkoll fil-konfront tar-raġel tal-mara, David Joseph Sahi.

Kemm l-omm kif ukoll żewġha flimkien ma’ passiġġiera femminili ta’ nazzjonalita’ barranija, li taħdem fit-turiżmu xehdu b’urġenza peress li l-koppja Irlandiża kienet waslet biex ittemm il-vaganza taghha f’Malta, btala li kagun ta’ dan l-incident li sehh fil-jiem li għaddew, żgur ma spiċċathiex fuq nota tajba.

Mix-xhieda tat-tlieta minn nies, il-koppja u l-passiggiera mara l-ohra, mogħtija fil-Qorti – li nfethet b’urgenza nhar Jum Santa Marija – irriżulta li allegatament ix-xufier ma kienx kuntent fejn l-omm poġġiet il-“push-chair” u dan beda l-ħin kollu jgħidilha biex tressaqha. Minkejja li l-omm Irlandiża bdiet tipprova tagħmel dak li kien qed jgħidilha x-xufier, dan, dejjem skont ix-xhieda, qabżitlu ftit wara, u allegatament waqaf f’nofs it-telgha tal-Mellieħa, qabad il-“push-chair” u waddabha barra t-triq.

Tara Fay Sahi niżlet mill-karozza biex tiġbor il-“push-chair” u hekk kif ippruvat terġa’ tirkeb ma tħallietx, u meta din b’xi mod irnexxielha titla’ fuq tal-linja, skont ix-xhieda preżenti, ix-xufier qabadha minn għonqa – u dan wassal biex inqalgħet kommossjoni kbira fuq il-karozza tal-linja.

Ahmed Bounoulder ġie mixli wkoll mill-Ispettur Godwin Scerri li kiser il-paċi pubblika u l-buon ordni. Uħud mill-passiġġieri ma kienux kuntenti lanqas bl-istat tal-karozza tal-linja li kienet qed tintuża fuq ir-rotta tal-Mellieħa, minħabba li hija waħda antika.

Il-Pulizija nfurmat ukoll lil Transport Malta bl-aġir tax-xufier, li ngħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €200 oħra u bil-kundizzjoni li jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokalita’ tiegħu.