Wara l-aħbar li l-kumpanija Valletta Gateway Terminal (VGT) avżat lill-klijenti tagħha u lill-pubbliku li se żżid it-tariffi tal-Cargo Handling mill-1 ta’ Settembru li ġej, issa kien imiss ukoll lill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-industrija li tesprimi t-tħassib u d-diżappunt tagħha fil-konfront tal-kumpanija li timmaniġġja l-parti l-kbira tal-merkanzija fil-Port il-Kbir. Fid-dawl tal-aspett ġeografiku ta’ Malta u l-ekonomija domestika tagħna, fejn il-kummerċ internazzjonali hu strumentali għall-għajxien ekonomiku tal-pajjiż, il-Kamra tal-Kummerċ sostniet li l-linji ta’ komunikazzjoni kompetittivi u effettivi, speċjalment fuq il-livell ta’ port, huma ta’ importanza fundamentali.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ fissret li ż-żidiet fit-tariffi se jolqtu lill-importaturi meta jiġu biex jimpurtaw il-merkanzija li jkunu ordnaw, filwaqt li l-industrija tal-manifattura se tkun qed tħallas dawn it-tariffi, kemm waqt l-importazzjoni kif ukoll fl-esportazzjoni. Il-Kamra saħqet li f’xenarju ta’ wara riċessjoni, l-ostakli lill-kompetittività fil-pajjiż għandhom jieqfu minnufih. Għaldaqstant, il-Kamra tal-Kummerċ qed tħeġġeġ lil Transport Malta biex tibqa’ toġġezzjona għal dawn iż-żidiet li ħabbret il-VGT.
Fi stqarrija li ħarġet jumejn ilu, TM iddikjarat li ma taqbilx ma’ din iż-żieda.
//= $special ?>