Lokali

Filmat: Muscat jerġa’ jaħrab lill-ġurnalisti – jagħżel li jissakkar fl-uffiċċju minflok ma jwieġeb il-mistoqsijiet

Fl-ewwel okkażjoni li kellu wara l-blackout totali tal-ġimgħa li għaddiet biex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ammont kbir ta’ ġurnalisti li kienu mistiedna fil-Berġa ta’ Kastilja biex jirrappurtaw ukoll il-laqgħa li kellu mal-President tal-Grupp Soċjalista fil-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħarab lill-media u ngħalaq fl-uffiċċju tiegħu.

Fis-1pm, il-ġurnalisti kienu mistiedna f’Kastilja biex jirrappurtaw laqgħa li Muscat kellu mal-President tal-Grupp Socjalista fil-Parlament Ewropew Gianni Pittella. Il-ġurnalisti attendew bi ħġarhom biex jirrappurtaw din il-laqgħa u biex jagħmlu mistoqsijiet lil Muscat dwar affarijiet li għaddej minnhom il-pajjiż bħalissa, b’mod partikolari l-qtugħ tad-dawl tal-ġimgħa li għaddiet fl-ewwel dehra pubblika ta’ Muscat minn dakinhar.

Iżda wara li ħareġ mill-uffiċċju tiegħu u ħa b’idejn Pittella għar-ritratti u l-cameras, il-Prim Ministru u Pittella daħlu fl-uffiċċju ta’ Muscat u l-bieb ingħalaq. Kien f’dan il-mument li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia qal lill-ġurnalisti “dak kollox”, bil-ġurnalisti jintalbu jitilqu minn Kastilja fost l-istagħġib tal-ġurnalisti preżenti. Is-sejħa lill-media ma kinitx imniżżla bħala photo opportunity, fejn ikunu mistiedna biss il-fotografi u l-cameramen.

Il-ġurnalisti xtaqu jistaqsu lill-Prim Ministru għaliex il-Gvern qed jibqa’ ma jridx jagħti kumpens lin-negozji li tilfu eluf ta’ ewro wara li għamlu sigħat twal bla dawl. MaltaRightNow.com xtaq jistaqsi wkoll għaliex il-Gvern kompla jkaxkar saqajh biex ma jsirx l-Impeachment tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco, li propju għada jagħlaq 65 sena u jirtira bil-pensjoni. Barra minhekk, mistoqsijiet oħrajn li tqanqlu din il-ġimgħa huma dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tas-Saħħa, kif ukoll dwar x’passi qed jieħu biex jitħarsu n-negozji Maltin fil-Libja.

Madankollu, il-Prim Ministru għażel li għal darb’oħra jissakkar fl-uffiċċju biex jaħrab u ma jiffaċċjax lill-ġurnalisti.

(Filmat: Il-ftit sekondi li l-ġurnalisti kellhom aċċess jiġbdu.)