Għada, l-Imħallef Lino Farrugia-Sacco jagħlaq 65 u jirtira bl-età. Illum hija l-aħħar ġurnata tax-xogħol tiegħu u l-Gvern kellu sal-lejla biex imexxi fil-Parlament ħalli l-Imħallef Farrugia-Sacco jitneħħa mill-kariga għal imġiba ħażina.
Kienu qalu li kienu se jmexxu “minnufih”
Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat u skont il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, hekk kellu jkun. Għax kif il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kienet qalet li ‘prima facie’ l-Imħallef Farrugia-Sacco ġab ruħu ħażin, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja kienu qalu li se jmexxu “minnufih”.
Ippruvaw jidħqu bin-nies f’wiċċhom
Imma llum nafu – mhux minn dan il-każ biss – li kemm Joseph Muscat u anke Owen Bonnici huma esperti tal-paroli sabiħ li jiftiehem mod imma l-fatti bil-maqlub – jiġifieri esperti ta’ kif jidħqu bin-nies f’wiċċhom.
Tal-qalba
Dan hu Gvern suppost trasparenti fejn kulħadd suppost jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu, ħlief naturalment ‘k ikun tal-qalba, kif inhu l-Imħallef Farrugia-Sacco bit-tifel tiegħu David Farrugia-Sacco kandidat Laburista u b’ħatra fil-Bord tal-Pulizija li ħa deċiżjoni oxxena kontra pulizija li kkastigawh għax qeda dmiru sewwa.
Sinjal nieqes li min jiġġudika lil ħaddieħor ma jista’ jkollu l-ebda dell fuqu
X’fiduċja jista’ jkollna f’ġustizzja mnawra minn Gvern li jara kif jagħmel ħa jeħles Imħallef mis-sinjal importanti li setgħet tat is-soċjetà tagħna li min jiġġudika lil ħaddieħor ma jista’ jkollu l-ebda dell fuqu? U dan għax l-Imħallef hu qarib tal-Partit Laburista fil-veru sens tal-kelma Maltija ‘qarib’.
Jista’ xi ħadd jemmen lil Muscat?
Kif jista’ xi ħadd jemmen lill-Prim Ministru Muscat, il-kap tal-Gvern, meta qal li se jmexxi f’dal-każ “minnufih” u llum nafu li kien qed jipprova jidħaq bin-nies f’wiċċhom għax fil-fatt kien qed jara kif il-każ jitwal kemm jiflaħ sal-lum?
Jista’ xi ħadd jemmen lill-Ministru tal-Ġustizzja?
Kif jista’ xi ħadd jieħu bis-serjetà lill-Ministru Owen Bonnici li kellu r-responsabbiltà juri lill-pajjiż kollu li l-Gvern u l-maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament trid ġudikanti ndaf u li jidhru li huma ndaf – u fl-istess waqt daħaq bin-nies bħall-Prim Ministru Muscat?
Illum għall-ġustizzja f’pajjiżna hu jum iswed
Kellna każi gravi f’Malta li fihom kienu mdaħħlin Imħallfin u l-istituzzjonijiet tagħna taw sinjali qawwijin li jridu s-serjetà, ir-rettitudni u l-indafa fil-ġudikatura. Imma llum, is-sinjal hu bil-maqlub minn Gvern li daħal fil-logħba li ttawwal ħalli teħles Imħallef mill-konsegwenzi ta’ mġiba ħażina. U għalhekk illum għall-ġustizzja f’pajjiżna hu jum iswed.