Lokali

Il-Belveder fil-Promenade ta’ Buġibba mistenni jintilef l-użu mill-pubbliku

Il-Belveder fil-Promenade ta’ Buġibba faċċata tal-Pjazza li sar bl-iskop li r-residenti Maltin u anke t-turisti jgawdu veduti mill-isbaħ, fosthom il-Gżejjer ta’ San Pawl, mistenni jintilef l-użu tiegħu mill-pubbliku darba għal dejjem.

Dan hekk kif fil-jiem li ghaddew il-bord tal-Environment and Planning Commission tal-MEPA approva applikazzjoni biex f’dan il-Belveder proprjeta` tal-Gvern jitpoġġa kjosk permanenti bl-imwejjed u siġġijiet.

Dan il-Belveder kien sar bħala parti mill-promenade tal-Qawra u Buġibba – wieħed mill-ftit proġetti li kienu saru mill-Gvern Laburista ta’ Sant bejn l-1996 u l-1997.

U jattira ammont kbir ta’ Maltin u turisti li jkunu qed jippassiġġaw mal-promenade.  Speċjalment fl-istaġun tas-Sajf meta dawn l-inħawi ta’ Malta jkunu mimljin nies f’villeġġjatura u fuq kollox barranin li jkunu għal btala f’Malta.  Propju fil-jiem li għaddew waqt il-Karnival tas-Sajf dan il-beleveder kienet mimli bin-nies isegwu l-gostra.

L-applikazzjoni biex kjosk ta’ sidien privati bl-isem “Mare Azzurro” li jinsab ftit ‘il bogħod, ikun rilokat u jitpoġġa f’dan il-Belveder – u minn wieħed mobile jinbidel f’wieħed permanenti – tressqet  f’Settembru li għadda u d-deċizjoni tal-Awtorita’ tal-Ambjent u l-Ippjanar  ittiehdet fit-8 ta’ dan ix-xahar.

Jidher li l-applikazzjoni saret wara li l-Gvern talab li l-kjosk eżistenti  li kien wieħed mobbli fuq sit fiss ikun ri-allokat.  Il-Case Officer argumenta li r-raġuni ewlenija għala hu rrakkomanda li l-permess biex il-kjosk jitpoġġa b’mod permanenti fil-Belveder, jinħareg, hi li kienet id-Diviżjoni tal-Proprjeta` tal-Gvern li allokat is-sit lill-applikant.  Dan għaliex ovvjament, il-Promenade u allura anke l-Belveder huma art tal-Gvern.

Il-linji gwida tal-policy tal-MEPA dwar il-kjosks tgħid li bejn kjosk u ieħor għandu jkun hemm mill-inqas 500 metru bogħod, imma f’dan il-każ din id-distanza minima ma kinitx rispettata. Pero’ skont il-Case Officer il-policy ma tapplikax f’dan il-każ minħabba li l-kjosk in kwistjoni mhux wieħed ġdid, imma hu kjosk li qed ikun rilokat minn post ieħor.  Is-sid kellu jiffirma li qabel jiftah il-kjosk il-ġdid, ikun żarma l-ieħor minn fejn qiegħed.

Skont l-applikazzjoni approvata, il-kjosk permanenti fuq il-Belveder tal-Pjazza ta’ Bugibba se jinkludi ammont kbir ta’ hgieg fosthom fis-saqaf tieghu.  Se jkun kbir 18-il metru kwadru u ma jistax isir tisjir fih. L-applikazzjoni kienet approvata bi tliet voti kontra wiehed, waqt li membru iehor tal-Bord ma kienx preżenti.

Residenti tal-inħawi u nies li jagħmlu użu minn dan il-Promenade b’mod regolari tkellmu ma’ dan l-istazzjon u ddeskrivew il-ħruġ ta’ dan il-permess mill-MEPA bħala daqqa ta’ ħarta ohra għall-ambjent ta’ pajjiżna hekk kif se jitilfu biċċa art oħra li kienet tintuża għal skop ta’ rikreazzjoni u mistrieħ.