Nuqqas ta’ organizzazzjoni fil-ħruġ tas-supporters mill-Pixxina Nazzjonali, ilbieraħ wassal għal inċidenti serji fi tmiem il-logħba tal-kampjonat tal-waterpolo San Ġiljan vs Neptunes. Il-logħba ntemmet 17-11 favur Neptunes.
Matul il-logħba, l-atmosfera fost il-partitarji fil-Pixxina Nazzjonali kienet tinħass bħala waħda mimlija ansjetà, bil-biża’ li l-qiegħa kienet se tisħon fi tmiem il-logħba. Minkejja dan, il-partitarji ta’ San Ġiljan xorta tħallew joħorġu ma’ dawk ta’ Neptunes, minkejja li ssoltu it-tieni sett ta’ partitarji jinħareġ wara li jkunu telaq l-ewwel sett.
Dan ma seħħx ilbieraħ, hekk kif il-partitarji ta’ Neptunes tħallew joħorġu meta l-partitarji ta’ San Ġiljan kienu għadhom qed jistennewhom fit-taraġ. Dan wassal għal inċidenti bejn iż-żewġ naħat, li iżda fortunatament ħadd ma sofra feriti gravi.
Fil-każ, spikkat wkoll in-nuqqas ta’ kontroll tas-sitwazzjoni mill-Pulizija, possibilment minħabba l-fatt li kienu biss f’ammont żgħir. Biex tkun ikkalmata s-sitwazzjoni, kellhom jintervjenu wkoll il-plejers taż-żewġ timijiet, qabel ma waslu fil-post il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
//= $special ?>

