L-awtoritajiet Iżlandiżi mexxew l-evakwazzjoni ta’ zona li tinsab qrib il-vulkan ta’ Bardarbunga, minħabba l-inkwiet dwar żbroff li jista’ jseħħ ‘minn ħin għall-ieħor’.
Iz-zona, li tinsab aktar minn 300 kilometru ‘l bogħod mill-kapitali Iżlandiża, Reykjavik, m’għandhiex ir-residenti permanenti iżda tinsab fi ħdan park nazzjonali li hu popolari mat-turisti.
Intant, din il-miżura ittieħdet fost l-istqarrijiet tal-ġeoloġisti fis-sens li, min-nhar it-Tlieta ‘l hawn, kienu indikati l-mijiet tat-theżżiż tal-art fl-inħawi partikolari.
Għaldaqstant, l-aġenzija nazzjonali għall-protezzjoni ċivili qalet li d-deċiżjoni biex madwar 300 persuna jkunu evakwati mill-inħawi qrib ta’ Bardarbunga kellha titqies bħala ‘prekawzjoni’ fl-aħjar interessi tas-sigurta.
Fl-Iżlanda, fl-2010, kien żbroffa il-vulkan bl-isem Eyjafjallajokull u fejn minnu bewwġu d-dħaħen tal-ġmied li affettwaw bil-kbir lill-iskedi tat-titjiriet.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Iżlandiżi ma jeskludux li l-attivita siżmika li kienet irreġistrata fl-inħawi ta’ Bardarbunga kapaċi twassal għal ”żbroff vulkaniku ieħor’. Dan waqt li l-UffiċċjuMeteoroloġiku tal-Iżlanda, din il-ġimgħa, żied l-evalwazzjoni tal-livell ta’ sogru relatat mill-(kulur) ‘isfar’ għal ‘oranġjo’. Il-lewn oranġjo jfisser ir-raba’ livell ta’ skala magħmulha minn ħames livelli u li tindika ‘potenzjal akbar ta’ żbroff’.