Internazzjonali

‘Jihadisti’ miżmuma fl-Awstrija

Il-Pulizija fl-Awstrija arrestaw disa’ persuni li huma suspettati li kienu qed jippjanaw biex jissieħbu mal-gruppi tal-militanti Iżlamiċi, fis-Sirja.

Dawn is-suspettati spiċċaw arrestati fil-provinċja ta’ Carinthia u fl-inħawi tal-Punent ta’ Burgenland u meta huma, fil-preżent, jinsabu għaddejjin minn interrogazzjoni.

Il-Ministeru tal-Intern Awstrijak qal li s-suspettati huma kollha Ċeċeni li għandhom iċ-ċittadinanza Russa u li kienu ngħataw il-kenn politiku fl-Awstrija.

F’każ li tinstab raġuni konkreta għalfejn is-suspettati għandhom jinżammu taħt arrest, l-awtoritajiet Awstrijaċi mistennija jibdew il-proċess biex jirtirawlhom dan l-istatus tal-kenn, bħala parti minn politika ta’ ‘ tolleranza zero ‘ fil-konfront tal-ġellieda tal-‘jihad’.
Mifhum li mijiet ta’ Misilmin Ewropej ivvjaġġaw lejn is-Sirja biex jiġġieldu fil-gwerra ċivili li għaddejja, bħalissa, fil-pajjiż partikolari.
Intant, l-Istati-membri tal-Unjoni Ewropea qed jippruvaw irażżnu sitwazzjoni fejn il-Misilmin f’arthom isiru aktar ‘radikali’. Dan waqt li għaddejjin ukoll il-miżuri fil-konfront tat-theddida lis-sigurta mill-‘jihadisti’ li qed jirritornaw fl-Ewropa wara li jkunu għamlu żmien jikkumbattu fis-Sirja, kif ukoll fl-Iraq.