Jurgen Klopp se jsir l-aktar manager fl-istorja ta’ Borussia Dortmund li serva mal-klabb meta t-tim tiegħu jiftaħ l-impenji kontra Bayer Leverkusen fil-kampjonat il-ġdid.
Il-manager karismatiku ħa t-tmexxija fis-Signal Iduna Park fl-2008 u minn dakinhar mexxa lill-klabb lejn ir-rebħ ta’ żewġ kampjonati kif ukoll tat-Tazza Ġermaniża u l-final taċ-Champions League.
Ottmar Hitzfeld kien l-aħħar manager li wassal lil Dortmund lejn il-final taċ-Champions League fl-1997 u meta l-klabb għada jiftaħ l-impenji għall-kampjonat 2014-15 kontra Leverkusen, Klopp se jkun qed jaqbeż lil Hitzfeld li dam sitt snin fit-tmexxija.
Wara li spiċċaw 19-il punt wara ċ-Champions Bayern Munich l-istaġun li għadda, Dortmund se jkunu ħerqana li dan l-istaġun jisfidaw bis-serjeta`.
Huma fetħu l-istaġun bl-aħjar mod possibli meta għelb lil Bayern 2-0 fis-Supercup Ġermaniża l-ġimgħa l-oħra qabel is-Sibt issuperaw faċilment 4-1 lil Stuttgart Kickers fit-Tazza Ġermaniża.
Dan il-konfront tas-Sibt se jlaqqa’ konta xulxin tnejn mill-aqwa timijiet fil-Bundesliga għalkemm Leverkusen se jkollhom tliet ijiem anqas mistrieħ wara li għelbu lil Copenhagen 3-2 fl-ewwel leg mill-play-off taċ-Champions League nhar it-Tlieta fid-Danimarka.
Iċ-Champions Bayern Munich għandhom lista twila ta’ injuries u llum jibdew jiddefendu t-titlu kontra Wolfsburg li f’Mejju kienu superati fl-aħħar ġurnata għal post fiċ-Champions League minn Leverkusen.
Plejers bħal Javi Martinez, Bastian Schweinsteiger, Rafinha u Thiago Alcantara kollha huma nieqsa għat-tim ta’ Pep Guardiola waqt li Jerome Boateng hu sospiż.
It-tim promoss ta’ Cologne rebbieħ tat-Tieni Diviżjoni, jibda l-impenji b’logħba kontra Hamburg li evitaw bi żbrixx ir-relegation wara rebħa fil-play-offs.
Paderborn, runners up wara Cologne, ukoll se jibdew f’darhom il-Ħadd kontra Mainz li l-istaġun li għadda spiċċaw fis-seba’ post.
Hoffenheim li l-partiti tagħhom l-istaġun li għadda ipproduċew 142 gowl, jilqgħu lil Augsburg is-Sibt waqt li Schalke se jkunu qed jifittxu li jkollhom bidu qawwi u jkomplu jibnu fuq it-tielet post tal-istaġun li għadda meta jmorru għand Hannover.
Żewġ timijiet li tħabtu l-istaġun li għadda, Freiburg u Stuttgart jittamaw li l-vjaġġ li se jkollhom għand Eintracht Frankfurt u Borussia Monchengladbach, ikunu jfissru l-bidu ta’ staġun aktar promettenti waqt li Hertha Berlin jilqgħu lil Werder Bremen.
//= $special ?>

