Il-qawwiet tal-ajru Amerikani wettqu l-attakki ġodda fuq il-militanti tal-grupp Stat Iżlamiku (l-IS, li qabel kien magħruf bħala ‘ISIS’) fit-Tramuntana tal-Iraq. Dan minkejja li l-fanatiċi li qed imexxu ‘jihad’ (gwerra qaddisa) imdemmi fl-Iraq heddew li joqtlu tieni Amerikan li spiċċa l-priġunier tagħhom.
Fil-preżent, l-ajruplani tal-gwerra u d-drones tal-US Navy qegħdin jagħtu appoġġ importanti lill-qawwiet Iraqqin u tal-Kurdi li ffurmaw alleanza effettiva kontra l-militanti tal-IS, qrib il-belt ta’ Mosul.
Intant, il-militanti Iżlamiċi komplew jheddu ‘li kellhom joqtlu’ ġurnalista ieħor Amerikan li jinsab f’idejhom u wara li huma, din il-ġimgħa, ħarġu filmat li juri l-qtugħ tar-ras tal-ġurnalista, James Foley, li kien ilu nieqes mill-2012.
L-istess militanti qed jittamaw li b’dan l-aġir brutali jistgħu jintimidaw lill-Amerikani biex ma jintervjenux fil-battalji li għaddejjin bħalissa, fl-Iraq.
Madankollu – u mindu ħareġ il-filmat dwar il-qtil ta’ Foley – il-qawwiet Amerikani ippersistew b’sensiela ta’ attakki ġodda fuq il-ġellieda tal-grupp Stat Iżlamiku fl-inħawi tad-diga ewlenija ta’ Mosul li l-ġellieda Kurdi rnexxielhom jaħtfu lura ftit tal-jiem ilu.
Ir-raids tal-qawwiet tal-ajru Amerikani qed jgħinu biex is-suldati Iraqqin u l-ġellieda Kurdi javvanzaw għal ġol-għoljiet lejn il-Lbiċ ta’ Mosul. Dan waqt li l-ajruplani u d-drones tal-Amerikani, s’issa, qerdu numru ta’ vetturi ‘u interessi oħra’ tal-IS.
Il-grupp Stat Iżlamiku, sallum, ħataf diversi territorji tal-Iraq u s-Sirja għal hekk-imsejjaħ Kalifat. Kelliema għall-moviment qalu li huma iċċirkolaw il-filmat dwar il-qtil ta’ Foley ‘biex ipattuha lill-Istati Uniti talli hi qed tmexxi l-azzjonijiet kontra l-ġellieda tagħhom’. Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan, Barack Obama, fisser il-qtil tal-ġurnalista bħala ‘azzjoni vjolenti li xxukkjat il-kuxjenza tad-dinja sħiħa’.
Intant, il-Pentagon tal-Istati Uniti żvela li l-qawwiet tiegħu, ‘ftit tal-jiem ilu’, kienu ppruvaw jeħilsu numru ta’ ostaġġi li kienu miżmuma fis-Sirja u fejn ħadu sehem f’din l-azzjoni ‘diversi elementi tal-art u tal-ajru’. Dan waqt li l-qawwiet tal-ajru Amerikani ilhom ġimgħatejn jikkonċentraw l-attakki fuq il-jihadisti tal-IS fl-inħawi ta’ fuq tal-Iraq.
Fl-istess ħin, din hi anki l-ewwel darba li l-Gvern Amerikan ammetta li l-qawwiet tiegħu ‘intervjenew’ fis-Sirja proprja mill-bidu (fl-2011) tal-gwerra ċivili fil-pajjiż partikolari.
//= $special ?>