Għawdex Lokali Qorti

L-AĠ u l-Pulizija jippreżentaw l-appelli tagħhom fil-każ tal-Qassis mixli li kkorrompa tliet minuri

Kif kien mistenni, l-Avukat Ġenerali appella mid-deċiżjoni tal-ħelsien mill-arrest tas-Saċerdot Għawdxi ta’ madwar 40 sena, li jinsab mixli li kkorrompa tliet minuri bniet. L-appell, li ġie ppreżentat fil-Qorti llum, se jinstema’ l-Ħamis li ġej quddiem l-Imħallef Michael Mallia fil-Qorti ta’ Malta. Sadanittant, il-Pulizija appellat fuq id-divjet li ngħata mill-Qorti ta’ Għawdex. F’dan il-każ, l-appell mistenni jinstema’ quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri.

Is-Saċerdot, li hu wkoll Għalliem fi skola fil-Ħamrun, qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mat-tlett ibniet, li għamel atti li offendew il-mistħija tas-sess tagħhom u li uża apparat telefoniku (il-mobile) għal dawn l-iskopijiet. Dawn ir-reati allegatament seħħew numru ta’ snin ilu. L-Avukat Ġenerali mhux qed jaqbel mal-fatt li t-Tlieta waranofsinhar, l-akkużat ingħata l-libertà proviżorja mill-Maġistrat Paul Coppini minħabba li jista’ jkun hemm kontaminazzjoni tal-provi meta jridu jixhdu diversi persuni.

L-Avukat Ġenerali qed jaqbel ukoll mal-appell li ġie ppreżentat mill-Pulizija biex l-isem tal-Qassis ma jibqax mistur. Il-Qorti ta’ Għawdex tat il-pleġġ lill-Qassis fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Hu kien ordnat ukoll biex ma jersaqx lejn il-lokalitajiet ta’ fejn allegatament wettaq ir-reati, kif ukoll hu ristrett biex għal ħafna mill-ħin joqgħod fil-konfini tar-raħal fejn joqgħod. Fit-trattazzjoni tagħha, il-Pulizija mistennija tibbaża wkoll fuq il-fatt li l-akkużat u l-allegati vittmi ma jiġux minn xulxin. Għalhekk m’hemm l-ebda skop li isem il-Qassis ma jissemmiex biex tiġi protetta l-identità tat-tfal.

Il-każ beda meta tifla ta’ tmien snin tkellmet ma’ xi ħadd dwar l-avvanzi tal-Qassis. Minn hemm, l-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji bdiet l-investigazzjonijiet tagħha, fejn ressqu wkoll persuni oħrajn li tkellmu li kienu għaddew mill-istess sitwazzjoni tat-tifla ta’ tmien snin. Il-Pulizija mhix qed teskludi li jista’ jkun hemm minuri oħrajn li ġew abbużati. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Silvana Briffa, filwaqt li għall-akkużat qed jidher l-Avukat Carmelo Galea.