It-22 edizzjoni tal-Airshow Internazzjonali ta’ Malta se tkun l-akbar waħda f’pajjiżna fejn jidħol spettaklu tal-ajru. Matul dan l-avveniment, li se jsir fuq l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bejn is-27 u t-28 ta’ Settembru, se jipparteċipaw 13-il pajjiż u se jieħdu sehem erba’ display teams, li se jkunu qed jipprovdu wirja impressjonanti fl-ajru.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni Joe Ciliberti ħabbar li l-Eġittu u t-Turkija se jieħdu sehem għall-ewwel darba. L-Eġittu se jipparteċipa fil-wirjiet statiċi, filwaqt li t-Turkija se tieħu sehem bid-display team “Turkish Stars”.
Ciliberti spjega kif fl-edizzjoni ta’ din is-sena se jieħdu sehem il-Belġju b’ajruplan F-16, kif ukoll ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja fost oħrajn bil-“Frecce Tricolori”, il-Polonja, Spanja bid-display team “Patrulla Aguila”, l-Iżvizzera, ir-Renju Unit fost oħrajn bir-“Red Arrows”, l-Istati Uniti u Malta.
John Matthews, iċ-Chairman ta’ airX, li huma l-isponsors prinċipali, qal li din hi t-tieni sena li l-kumpanija li jirrapreżenta qed tappoġġja l-Airshow b’mod finanzjarju. Spjega li sal-lum, 50% tal-ajruplani tal-kumpanija qed itajjru l-bandiera Maltija. Matthews żied li l-cabin crew jinkludi ħaddiema Maltin, filwaqt li d-Dipartiment tal-Finanzi hu mmexxi minn Malti u l-funzjonijiet tal-Marketing, dak Legali u tal-Awditjar qed jitwettqu minn kumpaniji Maltin.
John Matthews ħabbar li l-flotta ta’ airX żdiedet b’żewġ ajurplani Boeing 737, li se jkunu qed itajjru gruppi akbar ta’ nies, fosthom bands mużikali, klabbs tal-futbol u delegazzjonijiet tal-Gvern. L-ewwel klijent li se jkun qed jagħmel użu minn ajruplan bħal dan hu l-klabb Ingliż tal-Premier League Southampton. Kompla li l-lista ta’ passiġġieri ta’ airX tinkludi wkoll 100 ċelebrità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis fisser li l-Airshow mhux biss jattira nies involuti direttament fl-avjazzjoni, iżda wkoll numru kbir ta’ turisti li jżuru Malta speċifikament biex jattendu dan l-avveniment annwali. Qal li l-Gvern se jkun qed jagħti l-appoġġ kollu meħtieġ biex jitfakkar il-100 anniversarju tal-avjazzjoni f’Malta fi Frar 2015.
//= $special ?>

