Lokali Parlament Qorti

Minn għada l-Imħallef Farrugia Sacco jirtira bl-età, il-Gvern baqa’ sal-aħħar ikaxkar saqajh

Hekk kif għada, l-Imħallef Lino Farrugia Sacco jagħlaq 65 sena u jirtira bl-età, illum jaħbat l-aħħar jum tax-xogħol tiegħu. Illum hu wkoll l-aħħar jum li fih il-Gvern għandu ċ-ċans imexxi fil-Parlament ħalli l-Imħallef Farrugia Sacco jitneħħa mill-kariga għal imġieba ħażina. Madankollu, dan jidher li mhux se jseħħ u b’hekk Farrugia Sacco se jkun qed jirtira bid-drittijiet kollha ta’ pensjoni sħiħa, bil-Mozzjoni ta’ Impeachment kontrieh li hemm quddiem il-Parlament awtomatikament taqa’ u tiġi dikjarata nulla.

Sal-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici baqa’ jiddedefendi l-aġir tal-Gvern, li f’dan iż-żmien kollu kompla jkaxkar saqajh bl-iskuża li jrid jagħti l-opportunità lill-Imħallef jeżawrixxi l-possibbilitajiet kollha legali ħalli jiddedefendi lilu nnifsu fil-Qrati. Għalhekk, minħabba li l-proċeduri legali fil-Qrati għadhom għaddejjin u ma ġewx konklużi sal-ġurnata tal-irtirar tiegħu mill-Ġudikatura, il-Parlament baqa’ ma ddiskutiex il-Mozzjoni ta’ tneħħija tal-Imħallef.

Dan minkejja li l-Gvern seta’ faċilment jagħmel dan qabel ma aġġorna għall-vaganzi tas-Sajf, jew billi jiftaħ il-Parlament b’urġenza wara li l-Kamra kienet aġġornat. F’intervista mal-ġurnal The Times of Malta l-Ħamis li għadda, il-Ministru Owen Bonnici kien qal li, filwaqt li jaqbel li hemm bżonn li jitħaffef il-proċess kif wieħed jittratta każi bħal dawn, dan m’għandux isir a spejjeż tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. F’Ġunju li għadda, il-Qorti kienet iddikjarat li d-drittijiet fundamentali tal-Imħallef Farrugia Sacco ma nkisrux mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, bl-Imħallef jappella mis-sentenza fl-aħħar ġurnata possibbli.

Owen Bonnici ċaħad ukoll li l-Gvern qed jiddefendi lil Farrugia Sacco għal raġunijiet politiċi. Iben l-Imħallef, David, kien kandidat Laburista fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Il-Konsulent ewlieni tal-Gvern dwar ir-Riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja, l-Imħallef Giovanni Bonello, kien ikkummenta li d-deċiżjoni li jitwaqqaf il-proċess ta’ Impeachment kompliet issaħħaħ il-fehma tal-pubbliku li membri tal-Ġudikatura ma jwieġbu lejn ħadd għal għemilhom. Bonello qal ukoll li l-Kostituzzjoni ma tgħidx li l-Parlament għandu jistenna biex ikunu eżawriti l-proċessi legali fil-Qrati qabel ma jiddiskuti Mozzjoni ta’ Impeachment.

L-Imħallef Farrugia Sacco kien irrifjuta li jirriżenja mill-Kumitat Olimpiku Malti minħabba ksur tal-Kodiċi ta’ Etika. Fl-2012, feġġew filmati tal-Imħallef Farrugia Sacco jiltaqa’ ma’ ġurnalist li kien qed jippoża ta’ xerrej ta’ biljetti biex jixtri l-allokazzjoni Maltija ta’ biljetti għal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa f’Sochi. L-Imħallfin jinħatru b’deċiżjoni tal-Gvern tal-ġurnata u jistgħu jitneħħew biss mill-Parlament b’maġġoranza Parlamentari ta’ żewġ terzi. L-ebda tentattiv ta’ Impeachment ma rnexxa fil-50 sena li Malta ilha bil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.