Infermiera li kienet sofriet għadd ta’ ġrieħi meta kienet taħdem fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal ġdid, u li eventwalment ingħatat €31,000 f’kumpens, ippreżentat protest ġudizzjarju fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn qalet li l-mediċini li kellha u għad għandha bżonn tieħu ma għadhomx jingħatawlha b’xejn.
Alexia Muscat ippreżentat il-protest kontra t-Tabib Prinċipali tal-Gvern u d-Direttur tas-Sigurtà Soċjali, fejn qalet li t-Tabib Prinċipali tal-Gvern għandu jinżamm responsabbli għall-inċident inkwistjoni li minħabba fih sofriet diżabilità permanenti ta’ 10 fil-mija.
Dan l-aħħar Muscat ġiet mgħarrfa li l-pilloli, li huma bżonnjużi għaliha u li huma preskritti mill-konsulenti ta’ Mater Dei, se jkollha tixtrihom minn butha. Qalet li ilha tixtri dawn il-mediċini, li huma għaljin ħafna, għal diversi ġimgħat.
Sussegwentament, Muscat kienet mgħarrfa flimkien ma’ ommha biex imorru fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u fid-Dipartiment tas-Saħħa biex jikkonsejnaw ittra ħalli l-każ tagħha jiġi rivedut.
Hija qalet li madankollu meta marret ma’ ommha għand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, ċertu Anthony Cesare laqagħhom b’rabja kbira u insulti, filwaqt li qalilhom li “jiġi jaqa’ u jqum mill-ittri tal-Avukati” u li “l-liġi jagħmilha hu.”
L-Avukat tal-infermiera, Joe Brincat, li ffirma il-Protest, tkellem fuq ir-radju dwar dan il-każ mingħajr ma semma l-ismijiet. Wara, l-Avukat Brincat mar fil-Ministeru fejn ġie assigurat li għall-anqas Cesare kien se jibgħat apoloġija. Madankollu, l-apoloġija ta’ Cesare qatt ma waslet. Għaldaqstant, Muscat qed titlob li filwaqt li għandha tiġi trattata b’dinjità, qalet li għandha terġa tibda tingħata l-mediċini b’xejn bi dritt.
//= $special ?>

