Lokali

Raġel rappurtat nieqes jinstab 19-il jum wara

Wara 19-il jum, l-Irlandiż Robert James Carrick (ritratt) instab mill-Pulizija. MaltaRightNow.com jinsab infurmat li r-raġel instab fi stat konfuż fuq bajja, fejn jidher li kien qed jgħix f’dawn il-jiem li kien irrappurtat nieqes.

Robert James kien ġie rrappurtat nieqes lill-Pulizija fl-10 ta’ Awwissu li għadda, bil-Pulizija titlob l-għajnuna tal-pubbliku billi toħroġ stqarrija fis-17 ta’ Awwissu. Hu kien irrappurtat li deher l-aħħar fit-2 ta’ Awwissu fir-residenza tiegħu fix-Xgħajra.

Fl-istqarrija tal-lum, li fiha ħabbru li r-raġel instab, il-Pulizija spjegat ukoll li l-investigazzjonijiet min-naħa tagħhom bdew immedjatament, kif ukoll li l-Ambaxxata Ingliża inżammet aġġornata bil-passi kollha tal-investigazzjoni.

Fl-istess jum li l-Pulizija ħarġu l-istqarrija tal-għejbien, ħu Robert James, Phil kiteb fuq Facebook li wara daqstant jiem għadu ma sema’ xejn dwar ħuh. Jumejn wara, sostna li baqa’ ma rċieva l-ebda informazzjoni, filwaqt li kkwota l-media Maltija u Irlandiża, li qalu li l-Pulizija qed tinvestiga. Phil, li jgħix l-Awstralja, appella lil ħuh biex jibqa’ sod u li din hi ‘xmara’ oħra li għandu jaqsam.

Mas-sejba ta’ ħuh, Phil reġa’ kiteb fuq Facebook, fejn irringrazzja lil kulmin ta l-appoġġ tiegħu b’xi mod biex Robert James seta’ jinstab. Hu rringrazzja wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Korp, kif ukoll lill-media f’Malta u fl-Irlanda. Hu sellem lil ħuh billi qallu li għalkemm għandu “triq twila” quddiemu, għandu jkun jaf li madwaru se jsib dejjem lil qrabatu u lill-ħbieb tiegħu.