Id-Dar tal-Providenza qed tirċievi rapporti li raġel liebes pulit qed iħabbat il-bibien u jgħid lil min jiftaħlu li rebaħ €2,000 minn lotterija li d-Dar tal-Providenza għamlet għall-benefatturi tagħha. Din il-persuna qed titlob €200, l-isem u n-numru tal-Karta tal-Identità biex min fetaħ il-bieb ikun jista’ jieħu dan ir-rigal.
Fi stqarrija, l-amministrazzjoni tad-Dar tal-Providenza għamlitha ċara li ma għamlet l-ebda lotterija għall-benefatturi, kif ukoll li qatt ma tawtorizza lil ħadd iħabbat bieb bieb ħalli jiġbor id-donazzjonijiet. Persuni li għamlu hekk kienu nqabdu u wara li tressqu l-Qorti nstabu ħatja ta’ frodi.
Id-Dar tal-Providenza appellat ukoll lill-pubbliku biex min ikollu informazzjoni ta’ ġbir ta’ fondi mhux awtorizzat, jirrapporta direttament lill-Pulizija jew lid-Dar stess fuq 21464951, inkella permezz ta’ email lil info@dartalprovidenza.org.
Id-Dar tal-Providenza żiedet tgħid li min irid jagħti donazzjoni jista’ jagħmel dan billi jżur id-Dar fis-Siġġiewi, l-Uffiċċju tad-Dar wara s-Suq l-Antik fi Triq San Pawl fil-Belt, jew billi jintbagħat ċekk bil-posta, bl-internet banking jew online permezz tas-sit elettroniku tad-Dar u fil-kontijiet li d-Dar għandha fil-Banek lokali.
//= $special ?>

