Żewġ nisa Franċiżi weġġgħu wara li kienu nvoluti f’ħabta li seħħet fi Triq St Andrew f’San Ġiljan. Jirriżulta li fil-ħabta kienet involuta karozza tal-linja u karozza oħra tat-tip Peugeot 207, filwaqt li bl-impatt bejn it-tnejn intlaqtet vettura oħra, tat-tip Ford Fiesta. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-12.45pm.
Mhux magħruf x’wassal għall-inċident, iżda kawża ta’ dan, żewġ passiġġieri li kienu fil-Peugeot sofrew xi feriti u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Iż-żewġ Franċiżi, ta’ 60 u 33 sena, ittieħdu l-Isptar b’ambulanza, fejn kienu ċċertifikati li qed isofru minn feriti ħfief.
Il-vettura tat-tip Peugeot kienet sejra fid-direzzjoni ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, filwaqt li l-karozza tal-linja, misjuqa minn raġel ta’ 56 sena mill-Ħamrun kienet sejra fid-direzzjoni ta’ Pembroke. Kemm ix-xufier tal-Peugeot, kif ukoll il-persuni abbord il-karozza tal-linja u dawk fil-Ford Fiesta, misjuqa minn żagħżugħ barrani ta’ 25 sena mir-Renju Unit, ma sofrew l-ebda feriti.
Kawża tal-inċident, numru ta’ persuni għamlu kuntatt magħna biex jirrappurtaw il-konġestjoni tat-traffiku li kien hemm.
(Ritratt: Maltese Roads Traffic Updates / Facebook)
//= $special ?>

