Aġġornament | 12.10pm: Il-Pulizija kkonfermat li dalgħodu kien hemm nirien fl-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca, magħrufa bħala Tal-Vajrinġa, li tinsab propju fi Triq Vajrinġa fir-Rabat Għawdex. Jidher li n-nar qabad f’kamra li bħalissa qed tintuża’ għal Skola Sajf, f’din l-Iskola tal-Gvern li tifforma parti mill-Kulleġġ ta’ Għawdex.
MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-każ seħħ għall-ħabta tal-4am, meta fil-Gozo College Victoria Primary ma kien hemm ħadd u l-Iskola kienet magħluqa, minkejja li dalgħodu kellha terġa’ tilqa’ fiha l-klassijiet ta’ Skola Sajf. Għaldaqstant, fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident u l-Iskola dalgħodu fetħet b’mod normali.
Mill-informazzjoni li għandna jirriżulta li n-nar beda minn fan li x’aktarx it-tfal kienu qagħdu jitfgħu xi oġġetti fih u li xxortja. Il-crafts kollha tat-tfal, li kien hemm fil-klassi, kollha nħarqu fin-nar, li malajr infirex fil-klassi iżda li kien ikkontrollat fi ftit ħin, tant li meta kmieni filgħodu waslet il-Fire Engine, il-ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabu li s-sitwazzjoni kienet diġà taħt kontroll.
Kienu xi ġirien li xammew ir-riħa tad-duħħan u nfurmaw lill-awtoritajiet. Fuq din l-Iskola hemm ukoll Librerija Pubblika. Mhux magħruf jekk fil-ħin li fih beda n-nar, kienx hemm watchman xogħol.
Dan hu t-tieni każ li seħħ din il-ġimgħa u li jinvolvi Skola Sajf tal-Gvern, wara dak tat-Tnejn li għadda meta tifel ta’ tliet snin li suppost kien qed jattendi l-Iskola Sajf tal-Fgura nstab waħdu, jibki f’nofs ta’ triq arterjali fl-10.30am. Dwar dan il-każ, li kien ikkonfermat mill-Gvern, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ordna inkjesta interna u fi stqarrija qal li t-tifel kien fi triqtu biex juża’ t-toilet meta għal xi raġuni rnexxielu jħalli l-bini tal-Iskola.
Minkejja li l-Gvern qal li jrid jinvestiga għaliex it-tifel tħalla waħdu u għaliex il-kanċelli tal-Iskola tħallew miftuħin, il-ġurnal The Times irrapporta li sal-bieraħ il-bibien tal-Iskola kienu għadhom miftuħin beraħ.
Aktar kmieni …
11.56am: Aktar kmieni dalgħodu, żviluppa nar f’kamra fl-Iskola Primarja Sir Arturo Mercieca, magħrufa bħala Tal-Vajrinġa, fir-Rabat Għawdex.
F’dawn il-ġimgħat, din l-Iskola qed tintuża’ għal Skola Sajf. Mhux magħruf x’wassal għan-nar u jekk weġġgħux xi persuni, hekk kif hu mifhum li f’dawk il-ħinijiet l-Iskola kienet mimlija bit-tfal li bħalissa qed jattendu Skola Sajf.
Dan hu t-tieni inċident din il-ġimgħa, li jinvolvi Skola Sajf, wara li l-Erbgħa li għadda tifel ta’ tliet snin ħarab mill-Iskola tal-Fgura. It-tifel instab ftit kantunieri ‘l bogħod minn mara, li ratu waħdu u ħadet ħsiebu.
//= $special ?>