Fi stqarrija maħruġa mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa Hilary Fenech, Emvin Bartolo, Patrick Cutajar u Joseph Gauci, wara konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis il-Kunsilliera Nazzjonalisti li fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa huma fil-minoranza ninnutaw b’sodisfazzjon il-kollaborazzjoni bejn l-MTA u l-Għaqda Din l-Art Ħelwa fejn l-MTA għaddiet is-somma ta’ ħmistax il-elf ewro (€15,000) lil Din l-Art Ħelwa biex isir restawr fuq l-istatwa ta’ San Pawl li hemm fuq il-gżejjer popolarment magħrufa bħala l-Gzejjer ta’ San Pawl.
Il-Kunsilliera madankollu fakkru li għalkemm il-konferenza tal-aħbarijiet saret ħdejn it-Torri ta’ Wignacourt f’San Pawl il-Baħar, dawn l-istess gżejjer jifformaw parti mill-lokalita’ tal-Mellieħa. Fil-passat il-Kunsill tal-Mellieħa kien diġa wera nteress li jsir xogħol ta’ restawr fuq dawn il-gżejjer prinċipalment fuq l-istess statwa, il-kappella li tinsab biswit, kif ukoll il-ħitan tas-sejjieħ li jinsabu hemmhekk. Tant illi fis-sena 2011 kienu diġa bdew taħdidiet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u l-MEPA. F’dan l-istadju għaldaqstant il-Kunsilliera Nazzjonalista ipproponew li ladarba Din l-Art Ħelwa ser twettaq dan il-proġett, jinstab mezz ta’ kollaborazzjoni flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sabiex isir iktar ammeljorament kemm fuq il-gzejjer kif ukoll fuq postijiet oħra li jinstabu fil-lokalita’.
L-istqarrija tkompli tgħid li ladarba l-Ministru irrikonoxxa “illi l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar għandhom rwol importanti fis-settur turistiku” tajjeb li jiġi elenkat ukoll l-importanza daqstant kbira tal-lokalita’ tal-Mellieħa għall-istess industrija. Fl-aħħar snin, speċjalment mis-sena 2008, meta saret l-ewwel edizzjoni tal-“Iljieli Mellehin”, is-settur kummerċjali fil-Mellieħa ingħata spinta sabiex ikompli jirnexxi. Ġie mfakkar ukoll li fis-sena 2009, il-lokalita’ tal-Mellieħa ingħatat ċertifikat bħala Destinazzjoni ta’ Eċċellenza fi ħdan l-Unjoni Ewropeja. Barra minn hekk il-bajja tal-Għadira u dik ta’ ħdejn il-lukanda fiċ-Ċirkewwa ngħataw l-istatus ta’ Blue Flag u Golden Bay ġiet dikjarata bħala Beach of Quality.
Sa Marzu 2013 il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien mmexxi minn maġġoranza tal-Partit Nazzjonalista bis-Sindku jkun Robert Cutajar, illum Deputat Parlamentari.
//= $special ?>