Editorjal

Editorjal: Il-persekuzzjoni tat-twemmin

 Fl-aħħar xhur smajna dwar ħafna ġrajjiet ta’ persekuzzjoni tal-Insara. L-Iraq qed jinqasam u f’parti minnu hemm qtil u persekuzzjoni ta’ twemmin f’isem twemmin ieħor. L-istess kien ġara fl-Eġittu ftit ilu lill-Kopti.
Persekuzzjoni kontra l-Insara
Iż-żjara li l-Papa Franġisku għadu kemm għamel fil-Korea t’Isfel tefgħet ukoll id-dawl fuq il-persekuzzjoni tal-Insara fil-Korea ta’ Fuq. Fiċ-Ċina u fi bnadi oħra tad-dinja, regolarment issir persekuzzjoni tat-twemmin Nisrani.
Anke kontra twemmin ieħor
L-eroj ta’ dawn l-aħbarijiet kollha huma nies ta’ kuraġġ li għat-twemmin tagħhom qed ibatu u anke jinqatlu. Mhux l-Insara biss ikunu persegwitati, imma min hu Nisrani għandu japprezza kemm hu qawwi dan it-twemmin u għaliex jiġbed il-persekuzzjoni.
L-idea rivoluzzjonarja fil-bażi tal-Kristjaneżmu
Il-Kristjaneżmu hu mibni fuq l-idea li aħna lkoll bnedmin indaqs quddiem il-ħallieq li ħalaq il-bnedmin bi skop u allura l-bnedmin kollha għandhom valur. Din għadha idea rivoluzzjonarja anke f’ħafna pajjiżi llum, aħseb u ara elfejn sena ilu.
Idea kontra t-totalitarjaniżmu
L-idea li aħna lkoll bnedmin indaqs, b’awtonomija, rieda ħielsa u dinjità hi l-maqlub ta’ dak li jaħseb min hu totalitarju. U għalhekk it-twemmin hu wkoll persegwitat minn reġimi li jaraw theddida fil-ħsieb rivoluzzjonarju tal-ugwaljanza, il-libertà u d-dinjità.
Id-dritt li xxandar u twettaq twemminek
F’dinja tassew ħielsa, kull min għandu twemmin – ikun liema jkun – għandu jkollu kull dritt ixandru u jwettqu, sakemm iħalli lil ħaddieħor fl-istess libertà. Imma dan id-dritt jinkiser anke fejn m’hemmx persekuzzjoni vjolenti li tixxandar fl-aħbarijiet.
Attakk sottili f’pajjiżi suppost liberal-demokratiċi
Attakk sottili fuq it-twemmin hu dak li jsir f’pajjiżi suppost liberi u demokratiċi u li jippruvaw jipprivatizzaw it-twemmin. Jgħidu lil min jemmen li għandu jagħmel dan fil-privat u fil-ħajja personali tiegħu. Jgħidulu li ma jistax jitkellem pubblikament minn pożizzjoni ta’ twemmin għax inkella t-twemmin ikun indħil fil-ħajja pubblika.
Theddida għal dritt fundamentali
Dan l-attakk hu fl-aħħar mill-aħħar attakk fuq id-dritt fundamentali tal-libertà tal-opinjoni. Għax anke min jasal għal opinjoni mit-triq ta’ xi twemmin, dik l-opinjoni għandu kull dritt ixandarha u jipprova jikkonvinċi lil ħaddieħor fuqha.
L-aktar insidjuż meta jkun aċċettat minn min jemmen
Imma dan l-attakk ma jħallihx, anzi jgħidlu biex jiskot għax jemmen. U l-agħar u l-aktar insidjuż ikun dan l-attakk meta jkun aċċettat anke minn min jemmen, b’mod li jispiċċa hu stess kompliċi f’disprezz ta’ dan id-dritt fundamentali tiegħu.