Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Birżebbuġa ġie mixli quddiem il-Maġistrat Carol Peralta li lbieraħ, wara li kellu argument li spiċċa eskala mat-tfajla tiegħu, allegatament weħlu ma’ rasu Uffiċjali tal-Pulizija, li wieħed minnhom spiċċa b’feriti ħfief. Wayne Borg ġie mixli li għall-ħabta tad-9pm, f’Birżebbuġa stess, irreżista bi vjolenza lil Uffiċjali tal-Pulizija, ikkawża feriti ħfief fuq wieħed minnhom u hedded lit-tfajla tiegħu Roxanne Schiavone.
Fil-Qorti, l-Ispettur Kevin Pulis qal li Borg kellu argument mat-tfajla fl-appartament tagħhom. It-tfajla telqet mill-appartament u marret għand ħabiba tagħha, fejn kien hemm erbgħa minn sħabha. L-Ispettur qal li Borg mar warajha u meta ma tħallhiex jidħol, sgassa l-bieb u l-argument kompla. Kien għalhekk li fil-post issejħu immedjatament il-Pulizija.
Fit-trattazzjoni tagħha għal-libertà proviżorja, id-Difiża nsistiet li l-każ kien wieħed żgħir bejn il-koppja u spiċċa eskala minħabba l-intervent ta’ terzi persuni. Skont id-Difiża, l-akkużi li għamlu l-Pulizija huma aktar serji milli fil-fatt huma. Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Pulis, li mexxa l-Prosekuzzjoni, oġġezzjona bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.
Il-Qorti laqgħet it-talba għal-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €2,700, filwaqt li ordnat ukoll lill-akkużat biex imur jgħix ma’ ommu u ma jersaqx lejn is-sieħba tiegħu jew il-ħbieb tagħha. Borg staqsa kif se jkun jista’ jara lil uliedu mingħajr ma jkellem lis-sieħba tiegħu, bil-Maġistrat qallu li jekk jagħmel hekk se jerġa’ jispiċċa arrestat. Hu ssuġġerixxa li jqabbad Avukat biex jara kif jista’ jirranġalu ħalli jara lit-tfal.
//= $special ?>

