Lokali

Filmat: Il-Banda tal-FAM tipparteċipa fir-Royal Edinburgh Military Tattoo tal-Iskozja

Għall-ewwel darba, il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) ħadet sehem fir-Royal Edinburgh Military Tattoo fl-Iskozja, li hu avveniment ta’ fama dinjija. Il-kontinġent Malti kien kompost minn 45 bandist u tmien żeffiena mill-kumpanija taż-żfin Elipsis Dancers. Minbarra l-wirja tal-Banda tal-FAM, l-esebizzjoni kienet tinkludi wkoll korjografija miż-żeffiena Maltin u proġettazzjoni mal-faċċata tal-Kastell ta’ Edinburgh, b’simboli relatati ma’ Malta, fosthom is-Salib ta’ Malta u motivi tal-Bizzilla ta’ Malta.

Il-wirja tal-kontinġent Malti ntlaqgħet tajjeb ferm minn dawk preżenti, fejn fost oħrajn spikkat il-fanfarra tar-Royal Marines bħala salut uniku lill-kontinġent Malti mal-ħruġ mill-arena. Delegazzjoni ffurmata miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA), Uffiċjali tal-FAM u rappreżentanti tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali kif ukoll tal-Ministeru tat-Turiżmu attendiet għal waħda mis-serati u segwiet lis-suldati bandisti Maltin waqt il-wirja tagħhom.

L-impenn tal-Banda tal-FAM flimkien maż-żeffiena kien mifrux fuq 23 jum, li fih il-FAM taw wirjiet spettakolari quddiem folla ta’ madwar 9,500 persuna kuljum. Madwar 230,000 persuna mistennija jkunu marru jaraw l-edizzjoni ta’ din is-sena sa meta tintemm. Aktar tard, din tintwera fuq diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni madwar id-dinja b’udjenza li tlaħħaq il-biljun persuna.

(Filmat: Mark Formosa)