Bejn għada u nhar it-Tnejn tintlagħab l-ewwel ġurnata tal-kampjonat Spanjol. Staġun ilu, kontra kull mistenni, Atletico Madrid għelbu l-isfida taż-żewġ ġganti Barcelona u Real Madrid u kienu huma li rebħu l-kampjonat li ġie deċiż proprju fl-aħħar ġurnata.
Għalihom din kienet l-ewwel darba sa mil-1996 li rebħu l-kampjonat. F’Settembru tal-2013 rebħu 1-0 kontra Real Madrid fil-Bernabeu u taw l-ewwel sinjal li kienu se jkunu fost l-isfidanti elwenin. F’Jannar huma ħarġu bi draw ta’ 0-0 f’darhom kontra Barcelona u b’hekk urew li r-riżultat li kienu kisbu ftit xhur qabel fil-Bernabeu ma kienx b’kumbinazzjoni. Lejn l-aħħar perjou tal-kampjonat kien hemm mument fejn deher li dawn kienu se jitilfu kollox meta bdew ifalu l-punti kontra timijiet li fuq il-karta kienu inferjuri imma fortuatament għalihom, anke Real u Barcelona bdew jagħmlu l-istess. F’April Atletico Madrid eliminaw lil Barcelona miċ-Champions League u kien hemm min ħaseb li l-Katalani kienu se jirbħu l-kampjonat la darba kellhom l-attenzjoni kollha fuqu. Madankollu fl-aħħar ġurnata, Atletico Madrid ħadu l-punt li kellhom bżonn mill-Camp Nou kontra Barcelona biex rebħu l-kampjonat. Ġimgħa wara d-destin ried li jitilfu fil-finali taċ-Champions League kontra Real Madrid biex b’hekk ġew imċaħda minn ‘Double’.
Wieħed issa jrid jara jekk Atletico hux se jkunu kapaċi jiddefendu t-titlu u dawn jibdew l-impenji tagħhom nhar it-Tnejn li ġej kontra Rayo Vallecano. Din is-sena Atletico se jkunu tim mibdul hekk kif telqulhom diversi plejers bħal ma huma l-gowlkiper Thibaut Courtois, id-difensur Filipe Luis u l-attakkant Diego Costa, it-tlieta li huma ingħaqdu ma’ Chelsea. Madankollu huma akkwistaw lil Mario Mandzukic, Antoine Griezmann u lil Raul Jimenez, plejers li diġa’ ħallew impressjoni tajba ġimgħa ilu kontra Real Madrid fid-draw ta’ 1-1 fil-Bernabeu f’dik li kienet l-ewwel leg tal-finali tas-Super Cup ta’ Spanja.
Minn naħa taghħom Barcelona jridu jwettqu reazzjoni wara staġun diżappuntanti li kellhom. Lionel Messi kellu staġun kwiet fejn patta għalih fis-sajf meta mexxa lil pajjiżu sal-finali tat-Tazza tad-Dinja. Dan l-istaġun Messi se jkollu miegħu lil Luis Suarez, plejer li ħalla lil Liverpool u ingħaqad mal-klabb Katalan.
Madankollu Suarez se jkollu jistenna sa Ottubru biex jilgħab l-ewwel logħba tiegħu fil-kampjonat hekk kif bħalissa qed jiskonta sospsensjoni ta’ erba’ xhur, sospsensjoni li ingħatat lilu waqt it-Taza tad-Dinja talli gidem avversarju Taljan waqt li kien qed jilgħab mal-Urugwaj. Flimkien ma’ dawn it-tnejn se jkun hemm l-attakkant Neymar, plejer li s’issa ma’ Barcelona ma tantx kelli wirjiet mill-aqwa imma fit-Tazza tad-Dinja li saret f’pajjiżu stess kien wieħed mill-aqwa plejers sakemm sfortunatament għalih weġġa’ serjament daharu. Barcelona, li din is-sena se jkunu mingħajr , Cesc Fabregas, Carles Puyol u Alexis Sanchez, akkwistaw ukoll lil Jeremy Mathieu u lil Thomas Vermaelen u b’hekk jittamaw li jsolvu l-problemi fid-difiża. Fl-istess waqt jittamaw ukoll li l-midfielder Arġentin Javier Mascherano jirrepeti l-wirjiet li kellu waqt it-Tazza tad-Dinja. Barcelona, li din is-sena se jkunu tażt it-tmexxija tal-eks plejer Luis Enrique, se jibdew l-impenji tagħhom għada kontra Elche.
//= $special ?>

