Lokali

Il-Gvern ta’ Muscat irnexxielu jirredikola l-Parlament – Mario de Marco

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat irnexxielu jirredikola l-Parlament u lir-rappreżentanti tal-poplu, bil-konsegwenza li l-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż tilfet il-poter tagħha. Dan mhux Gvern accountable u li jmexxi b’good governance. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Qorti, akkumpanjat mill-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN Karol Aquilina.

Mario de Marco kien qed jitkellem f’jum għeluq il-65 sena ta’ Lino Farrugia Sacco, li fiha l-Imħallef qed jirtira mix-xogħol bil-pensjoni. Fid-dawl ta’ dan, il-Vici Kap tal-PN qal li llum hi ġurnata li timmarka rebħa għal min ma jemminx li Uffiċjal Pubbliku għandu jkun responsabbli għal għemilu, filwaqt li hi ġurnata sewda għal min jemmen li l-Liġi qegħda hemm għal kulħadd.

Mario de Marco sostna li l-poplu jrid iħares lejn il-Parlament bħala r-rappreżentanza denja li tħares is-sewwa u mhux li tiddefendi l-ħażin. Għaldaqstant, il-poplu jippretendi bir-raġun li l-ġustizzja tkun ugwali ma’ kulħadd. F’isem l-Oppożizzjoni, hu appella lill-Gvern biex ibiddel l-attitudni tiegħu ħalli jkollna ġustizzja kif tixraq lil dan il-pajjiż. Dan il-każ ikompli juri bl-aktar mod ċar li għall-Prim Ministru Muscat u l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja Owen Bonnici, il-ġustizzja hi logħba, bil-Gvern jagħżel li ma jmexxix fil-Parlament b’Mozzjoni ta’ Impeachment kontra Imħallef.

Min-naħa tiegħu, Karol Aquilina qal li f’dan il-każ ma saritx ġustizzja għax hu każ li jwassal il-messaġġ li l-Ġudikatura saret ħaġa li ma tistax tintmiss. Dan mhux dak li jrid il-poplu Malti, li jinsisti li l-ġustizzja tkun hemm għal kulħadd, hu min hu. L-Imħallef Lino Farrugia Sacco jinzerta jiġi missier il-kandidat Laburista David Farrugia Sacco. Il-kelliema qalu li l-PN jinnota li l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam kontinwament jitkellem dwar Riforma fil-Ġustizzja, iżda fl-istess waqt il-Ministru stess qed jikser il-prinċipju tal-ġustizzja.